Sunday, November 24, 2024

Mixli li ta n-nar lil bieb ta’ residenza fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Raġel inżamm arrestat wara li ġie mixli li ta n-nar lil bieb ta’ residenza fil-Ħamrun, b’sid id-dar – li huwa anzjan – dak il-ħin inzerta kien fuq ġewwa.

Jesmond Gatt ta’ 54 sena mill-Ħamrun tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo mixli li wettaq dan ir-reat l-Erbgħa billejl. Huwa kien mixli wkoll li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor.

L-Ispettur Elisia Scicluna qalet li uffiċjali tal-pulizija ntbagħtu fil-pjazza tal-Ħamrun wara rapport li kien hemm bieb ta’ residenza qed jaqbad. Gatt kien identifikat minn filmati tas-sigurtà li nġabru miż-żona.

Il-filmati allegatament urew lil Gatt jagħti n-nar lil bieb darbtejn wara li kien intefa’ fl-ewwel tentattiv tiegħu.

Fil-Qorti l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li qalet li fil-filmati deher “determinat” li jagħti n-nar lil dan il-bieb.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Sciberras u Elisia Scicluna.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adriana Zammit dehru għall-imputat.

Sport