Thursday, November 7, 2024

Mixli li tah daqqa ta’ ħadida wara argument

Aqra wkoll

Xufier ta’ tow truck li allegatament laqat sewwieq b’ħadida waqt argument inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Il-każ seħħ kmieni s-Sibt filgħodu meta Leonvic Fenech ta’ 23 sena minn Santa Venera ġie avviċinat mill-allegat vittma li saqsieh dwar vettura li kienet qiegħda timblokka t-triq.

Fenech kien qal lil dan ir-raġel li l-vettura ma kinitx tiegħu. Ġara iżda li l-kwistjoni ma waqfitx hemm u nqala’ battibekk verbali bejn iż-żewġt irġiel.

L-imputat allegatament qabad ħadida mit-tow truck tiegħu u laqat lill-allegat vittma biha, bil-konsegwenza li kkaġunalu ġrieħi gravi f’siequ. Sussegwentement, Fenech kien arrestat.

Huwa tressaq iktar kmieni llum quddiem il-Maġistrat Nadine Lia mixli li weġġa’ gravi lill-allegat vittma, li insultah u heddu, li kiser il-paċi pubblika kif ukoll b’sewqan traskurat u perikoluż.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni, l-aktar minħabba l-fatt li għad irid jixhed l-allegat vittma. Barra minn hekk, il-vittma kien jaħdem fl-istess triq fejn joqgħod Fenech u fejn seħħ l-inċident.

Id-Difiża argumentat li l-imputat seta’ jipprovdi indirizz alternattiv f’lokalità oħra filwaqt li fil-fedina penali tiegħu kulma kienu biss żewġ reati marbuta mat-traffiku u ma kien l-ebda “kriminal” li ma setax jiġi fdat fit-toroq.

Barra minn hekk, id-Difiża qalet li kien l-allegat vittma – kick boxer – li kien avviċina lil Fenech.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni rrimarkat li argument minuri bħal dan qatt ma messu eskala sa tali punt. “L-akkużat kien qabad ħadida u wara l-argument, tela’ fit-trakk tiegħu u rriversja fuq l-allegat vittma,” tenniet il-Prosekuzzjoni.

Il-Maġistrat Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest billi osservat li l-allegat vittma għad irid jagħti x-xhieda tiegħu mingħajr ir-riskju ta’ intralċ ta’ provi, speċjalmentt peress li l-akkużi kienu dwar ġrieħi gravi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa megħjuna mill-Avukat Rebekah Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Ishmael Psaila u Roberto Spiteri dehru għar-raġel.

Sport