Monday, March 16, 2026

Mixli li uża vjolenza fuq il-ġenituri tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 25 sena mwieled il-Pakistan iżda residenti Birkirkara baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li uża vjolenza, inkluż dik morali u psikoloġika, fuq il-ġenituri tiegħu meta kien talabhom xi flus biex isewwi l-mobile, iżda kienu qalulu li ma setgħux jagħtuh.

Kien missier l-imputat li rrapporta li fit-13 ta’ Marzu li għadda, huwa kien mar id-dar u sab lil martu tibki u meta staqsieha x’kien ġralha, hi qaltlu li t-tifel tagħhom kien talabha €100 minħabba li l-mobile kellu xi ħsara u hi qaltlu li ma setgħetx tagħtih il-flus. 

Fil-Qorti nstema’ li waqt li l-missier kien qed ikellem lil martu, daħal l-imputat u allegatament ħataf lil missieru mill-flokk, heżżu mal-ħajt u mbagħad kien daħal fil-kamra tiegħu u ħadlu xi flus mill-kartiera. Wara li allegatament seħħ dan, l-imputat kien telaq ’il barra mid-dar. 

L-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Bususttil fejn kien mixli li uża vjolenza morali jew psikoloġija fuq missieru ta’ 66 sena u fuq ommu ta’ 57 sena. Huwa kien mixli wkoll li kkaġuna lill-ġenituri tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom, li ħebb għalihom biex jinġurjahom u li kien riċediv.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. Fl-istess waqt, inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon filwaqt li l-Avukat Nadya Fiott dehret għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport