Monday, July 14, 2025

Mixli li weġġa’ gravi raġel f’argument dwar xi flus

Aqra wkoll

Luke Vella ta’ 29 sena residenti San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għal raġel ieħor u kkaġunalu ġrieħi gravi wara argument li nqala’ bejniethom.

L-allegat każ seħħ nhar id-9 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta ta’ bejn l-10.00 a.m. u l-11.30 a.m., fi Triq il-Kbira, Birkirkara. 

Fil-Qorti nstema’ kif fl-argument kienu involuti tlitt irġiel, bl-imputat allegatament jagħti daqqa ta’ ponn lill-vittma li huwa ta’ nazzjonalità barranija. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-argument kien dwar xi problemi ta’ flus bejniethom. 

Intqal li dawn il-persuni kienu mxew għall-għassa u ġew mitkellma mill-pulizija. Mill-filmati tas-CCTV ġiet innotata din l-aggressjoni u l-imputat allegatament jagħti bil-ponn lill-vittma u li dan seħħ ukoll waqt li kienu deħlin fl-Għassa. 

Vella wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu u ppreżentat dokument li kien iffirma l-allegat vittma fl-Għassa ta’ Birkirkara, biex ma jittiħdux passi kontra l-imputat. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-karattru refrettarju tal-imputat tant li qed jiġi mixli bi ksur ta’ erba’ bails oħra u minħabba l-gravità tal-każ fost oħrajn.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Ylenia Maria Xerri u Clayton Abela. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport