Saturday, December 21, 2024

Mixli li weġġa’ lil martu wara argument

Aqra wkoll

Raġel ta’ 59 sena minn San Ġwann tressaq il-Qorti mixli li darab gravi lil martu, insultaha u heddidha. 

L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat fil-Qorti li nhar it-Tnejn li għadda, mara marret tirrapporta li kellha argument ma’ żewġha u wara marret f’ċentru tas-saħħa fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.

Ir-raġel kien arrestat u tressaq fil-Qorti illum fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u talab għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat tiegħu, Dr Patrick Valentino, spjega lill-Qorti li ċ-ċertifikat mediku juri li l-mara ma sofriet minn ebda ksur. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi u l-fatt li teżisti l-biża’ li l-imputat jista’ jkellem lix-xhud ewlieni fil-każ, lil martu. L-Ispettur Buhagiar qalet li l-imputat kien diġà tressaq il-Qorti fuq akkużi simili 10 snin ilu, iżda l-vittma kienet ħafritlu.

Ir-raġel ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa filwaqt li kien ipprojbit milli jkellem jew javviċina lil martu. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. 

Ekonomija

Sport