Janish Janardhanan Indjan ta’ 43 sena, iżda residenti Birżebbuġa li jaħdem bħala terapista tal-massaġġi ġie akkużat quddiem il-Qorti li wettaq diversi atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens ta’ klijenta mara fi SPA f’San Ġiljan.
L-allegat każ seħħ fit-8 ta’ Settembru li għadda.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li l-imputat dakinhar tal-każ kellu klijenta li marret għandu biex tagħmel il-messaġġi. Waqt l-istess messaġġi allegatament hu wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma, messha b’mod mhux xieraq, u wera mġiba ta’ konnotazzjoni sesswali li setgħet raġonevolment titqies bħala offensiva, degradanti jew intimidanti.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat ġie mkeċċi mill-impjieg tiegħu u għalhekk bħalissa jinsab bla xogħol. Ġie spjegat ukoll li l-permess ta’ residenza tiegħu f’Malta huwa marbut mal-impjieg fis-settur ta’ li SPA, u għalhekk it-telf ta’ xogħlu jista’ jwassal ukoll biex tintilef id-dritt tiegħu li jibqa’ jgħix fil-pajjiż.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din sabet oppożizzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni fejn qalet li l-allegat vittma għad trid tixhed filwaqt li l-akkużat jista’ jaħrab mill-pajjiż.
Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Krista Spiteri Lucas, assistita mill-Ispettur Dylan Pace. L-avukat Yanika Bugeja dehret għall-akkużat, filwaqt li l-avukati Herman Mula u Silvan Pulis dehru bħala parte civile f’isem il-vittma.

