Raġel ta’ 37 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifla, li fiż-żmien meta seħħ l-allegat każ kellha inqas minn 16-il sena.
Ir-raġel, li huwa Għawdxi, tressaq quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fejn ġie mixli li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni bejn Jannar 2022 u Diċembru 2024.
Huwa kien mixli wkoll li wettaq atti sesswali mhux kunsenswali fuq il-minorenni, li kkorrompieha u li żammha kontra l-volontà tagħha fost oħrajn.
Fil-Qorti t’Għawdex instema’ kif il-pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li t-tifla ttieħdet biex tagħmel rapport lill-pulizija fejn kienet akkumpanjata minn missierha. Il-missier sar jaf bl-allegazzjonijiet wara li rċieva messaġġi mingħand xi ħadd ieħor.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mario Xiberras.
L-Avukati Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb dehru għall-imputat.