Monday, May 13, 2024

Mixli li wettaq tmien serqiet minn vetturi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 44 sena mill-Ġorġja nżamm arrestat wara li ġie mixli li wettaq sensiela ta’ serqiet minn vetturi bejn Jannar u Frar li għadda.

Ilia Tusishvili tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli li wettaq tmien serqiet fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, il-Gżira u San Ġiljan. 

L-Ispettur Michael Vella spjega li l-Pulizija kienet irċeviet diversi rapporti ta’ serq minn karozzi f’dawn l-aħħar xahrejn u minn aktar investigazzjonijiet ġie identifikat is-suspettat li kien arrestat l-Erbgħa li għadda. F’kull każ, il-pulizija qalet li l-valur tal-oġġetti misruqa ma kienx jaqbeż l-€2,329. 

Tusishvili wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bl-Avukat tiegħu Noel Bianco jgħid li f’dan l-istadju ma kienet se ssir l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Għaldaqstant huwa baqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Francesco Mizzi.

Sport