Mara ta’ 21 sena tressqet fil-Qorti mixlija bil-qtil involontarju ta’ mara Nepaliża fil-Fgura kif ukoll li saqet vettura b’mod traskurat u mingħajr ma kienet koperta b’polza t’assigurazzjoni.
Chloe Caruana kienet qiegħda ssuq Toyota Hilux meta allegatament laqtet żewġ nisa Nepaliżi fis-6 ta’ Jannar li għadda. Waħda mill-vittmi, Baral Gauri Kumari ta’ 24 sena, kienet sofriet minn ġrieħi serji u kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ħamest ijiem wara tilfet ħajjitha. Il-mara l-oħra, Urmila Karki Thapa ta’ 34 sena ġarrbet ġrieħi gravi.
Fil-Qorti, Caruana wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha.
L-Ispettur Francesca Calleja spjegat kif raġel kien ċempel l-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid biex jinfurmahom bl-inċident li fih weġġgħu żewġ persuni. Huwa kien ukoll ċempel għal ambulanza.
Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu liż-żewġ vittmi mal-art bi ġrieħi. Il-bonett tal-vettura deher li kellu ħsarat konsiderevoli filwaqt li l-Pulizija kienu wkoll kellmu lix-xufier (l-imputata).
Xi ħin wara, missier l-imputata kien wasal fuq il-post u qal lill-Pulizija li l-vettura kienet tiegħu u li l-polza ta’ assigurazzjoni kienet tkopri lilu u lil xufiera li għandhom ’il fuq minn 25 sena.
Mistoqsija mill-Qorti jekk Thapa għadhiex tgħix Malta, l-Ispettur Calleja qalet li sa Lulju li għadda kienet għadha hawn u li anke xehdet fl-inkjesta maġisterjali.
Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ikompli f’Diċembru.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Francesca Calleja. L-Avukat Amadeus Cachia deher għal Caruana.
L-Avukat Jonathan Abela qed jidher għall-vittmi.

