Maria Casha ta’ 20 sena residenti l-Ħamrun tressqet il-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech fejn ġiet mixlija li rrikattat raġel għall-flus.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Josef Gauci spjegat li l-allegat rikatt seħħ bejn Ottubru tas-sena li għaddiet u Marzu ta’ din is-sena.
Ġie spjegat allegatament Casha bdiet titlob il-flus lil raġel u tirrikattah li hekk ma jagħtix il-flus mitlubin kienet se xxerred ritratti intimi tiegħu.
B’kollox, skont l-investigazzjonijiet Casha allegatament ħadet madwar 13,000 ewro mingħand ir-raġel.
L-Ispettur qal li kien l-allegat vittma li mar jagħmel rapport l-Għassa u mill-ewwel bdiet l-investigazzjoni. Hija ġiet arrestata u mitkellma mill-Pulizija fejn imbagħad tressqet il-Qorti.
Hija ġie mixlija wkoll li kkawżat biża’, użat vjolenza, inkluż vjolenza morali fost akkużi oħrajn.
Casha permezz tal-avukat tagħha Dr Daniel Calleja wieġbet mhux ħatja tal-akkużi kontriha.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn il-Maġistrat wara li sema’ liż-żewġ naħat laqa’ din it-talba fuq diversi kundizzjonijiet.
Hija ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 2,500 ewro u garanzija personali tal-istess ammont. Hija ġiet ordnata li ma tistax toħroġ mid-dar bejn it-8.00pm u s-7.00am.
