B’mod regolari nisimgħu u naqraw ilmenti dwar skart li qiegħed jintrema b’mod irresponsabbli fil-kampanja jew f’żoni imwarrbin, xi drabi anki qrib djar residenzjali. Sitwazzjoni li l-awtoritajiet qegħdin għassa tagħha u fejn dak li jkun wettaq l-abbuż ikun identifikat qiegħed jiġi mġiegħel inaddaf is-sit u anke jittieħdu passi bil-Qorti.
Każ simili seħħ proprju fi Triq il-Melħ f’Buġibba. Triq residenzjali imma, xi persuni rresponsabbli, ħasbuha miżbla b’ammont kbir ta’ skart li intefa’ fosthom saqqu, televiżjoni u ħafna affarijiet oħra.
L-ilmenti tar-residenti wasslu biex ittieħdet azzjoni mill-Pulizija tal-Komunità. Infurmati li l-investigazzjoni tal-Pulizija u anke mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Talk News huwa infurmat li proprju wara li saru lmenti mal-kunsill lokali, il-Pulizija tal-Komunità waslu biex identifikaw min kien li ħareġ l-imbarazz barra. Dawn ingħataw siegħa ċans biex ineħħuħ.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, iddikjara li, “il-persuni li tefgħu l-iskart ġew ordnati li fi żmien siegħa jnaddfu kollox. Tlabt lil pulizija biex jieħdu azzjoni fil-konfront tagħhom. Apparti din l-azzjoni ikkordinajna azzjoni oħra simili fi Triq Cassarino. Dan ix-xogħol nikkordinawħ kuljum, mingħajr daqq ta’ trombi, ma’ diversi entitajiet fosthom, il-pulizija, ERA,u l-LESA.”
Min-naħa tiegħu huwa appella li, “l-akbar għajnuna tista’ tasal biss mingħand ir-residenti, kemm il-darba jgħaddulna informazzjoni konkreta li tgħin jiġu identifikati dawn in-nies ingrati. Nirringrazzja lill-pulizija u kull min għadda l-informazzjoni meħtieġa.”