Saturday, December 21, 2024

Miżmuma informazzjoni importanti dwar il-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kritika ħarxa lejn iċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard Amerikan

Għal aktar minn sena ċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard Amerikan, is-CDC, ġabar informazzjoni dwar ir-rikoveri fl-isptarijiet tal-pajjiż ta’ pazjenti morda bil-Covid-19. Din l-informazzjoni importanti dejjem kienet ikklassifikata skont l-età, ir-razza u jekk itteħditx it-tilqima kontra l-pandemija. Iżda, minkejja l-bżonn kbir li tali tagħrif isir pubbliku, jingħad li s-CDC naqqas milli jagħmel dan.

F’rapport ippubblikat minn New York Times jingħad li dan in-nuqqas ta’ tagħrif pubbliku f’sitwazzjoni kritika fejn ħajjet in-nies huma f’riskju, huwa ta’ xkiel fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.

Meta ħmistax ilu s-CDC ippubblika l-ewwel rapport dwar l-effiċjenza tal-boosters f’persuni ta’ inqas minn 65 sena, din l-aġenzija ħalliet barra porzjon kbir tal-popolazzjoni, jiġifieri dwar il-persuni ta’ bejn it-18 u d-49 sena, il-grupp li jingħad li kien l-inqas li se jibbenefika minn tilqim “żejjed” minħabba li, allegatament, l-ewwel żewġ dożi kienu diġà biżżejjed biex jipproteġuhom mill-virus li oriġina miċ-Ċina.

L-istess rapport qal li f’sentejn ta’ pandemija, din l-aġenzija ewlenija tal-Istati Uniti li tħares is-saħħa pubblika, ippubblikat biss parti żgħira mit-tagħrif li ġabret. Persuni li xogħolhom huwa li jiġbru tali tagħrif sostnew li ħafna mill-informazzjoni miżmuma tista’ tgħin lill-istat u lill-uffiċjali tas-saħħa fl-istrateġija tagħhom biex iżommu milli jkompli jinfirex dan il-virus. 

Informazzjoni dettalja­ta u f’ħin reali dwar rikoveri fl-isptar maqsuma skont l-etajiet u r-razza tista’ tgħin lill-uffiċjali tas-saħħa biex jidentifikaw u jgħinu lill-popolazzjonijiet f’riskju. Tali informazzjoni bi mwiet bl-etajiet tal-pazjenti u konferma ta’ vaċċinazzjoni, “setgħet tgħin biex ikun magħruf jekk adulti taħt il-50 sena kinux jibbenefikaw minn booster jew le u fl-istess ħin il-pajjiż seta’ jinduna b’varjanti ġodda u tixrid tagħhom minn qabel.”

Esperti Amerikani jirrikorru għal Iżrael…

Minħabba li hemm nuqqas ta’ tagħrif uffiċjali dwar il-persuni ta’ bejn it-18 u l-49 sena, l-esperti tas-saħħa kellhom jitolbu u jimxu mal-pariri u t-tagħrif miġbur minn Iżrael biex jagħtu r-rakkomandazz­jonijiet tagħhom dwar it-tilqim ta’ kontra l-Covid-19. Dan in-nuqqas wassal għal kritika ħarxa mill-persuni li jaħdmu fil-qasam xjentifiku fil-konfront tas-CDC, l-aġenzija uffiċjali li suppost toħroġ il-linji gwida għall-ħtiġijiet tal-poplu Amerikan.

Fost ir-raġunijiet mogħtija mis-CDC għal dan in-nuqqas, hija biża’ li l-poplu ma jifhimx it-teknikalitajiet u l-bżonn tat-tielet tilqima b’konsegwenza li ma jeħduhiex, kif ukoll nuqqas ta’ faċilitajiet biex il-ħafna informazzjoni miġbura tkun analizzata u ppubblikata f’ħin re-
ali. 

B’reazzjoni għal dak li qal is-CDC, l-esperti fil-qasam sostnew li dawn mhumiex raġunijiet validi biex ma jippubblikax din l-informazzjoni kruċjali għas-saħħa pubblika.

Is-CDC ingħata madwar €1 biljun biex jimmodernizza s-sistemi tiegħu bil-għan li jħaffef il-proċess li fih jiġbor, janalizza u jippubblika t-tagħrif. Din l-aġenzija ġabret informazzjoni minn 31 stat Amerikan fejn tmienja minnhom, inkluż Utah, bdew jibagħtu l-figuri tagħhom relatati mal-Covid-19 lis-CDC lura fil-ħarifa tal-2020.

Ekonomija

Sport