Wednesday, February 4, 2026

MIŻURI BIEX JINTLAĦQU L-MIRI AMBJENTALI 

Aqra wkoll

Pajjiżna qiegħed ikompli jimxi ‘l quddiem fil-miri ambjentali tiegħu. Dan qed jagħmlu permezz ta’ diversi proġetti li jinċentivaw il-ħidma għal ambjent aħjar, aktar nadif u sostenibbli bit-twettieq ta’ diversi proġetti oħra bħalma huma spazji miftuħa li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja itjeb għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ninnutaw b’sodisfazzjon is-suċċess li qed ikompli jinkiseb grazzi għall-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart. F’dan il-kuntest nemmnu li riforma bħal din hija importanti billi qed jinġabar iktar skart organiku, qed ikun hemm inqas skart imħallat u dan kollu b’inqas traġitti allura inqas traffiku u tniġġiż.

F’dan l-ambitu wkoll, tajjeb li nirreferu ftit għall-iskema tar-rifużjoni għall-kontenituri tax-xorb (BCRS) li rawmet u żiedet aktar l-għarfien dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart bħala mezz biex jittejjeb u jitħares l-ambjent ta’ madwarna.

B’sodisfazzjon ukoll ninnutaw ir-rata għolja ta’ ġbir ta’ kontenituri tax-xorb li qed jiġu riċiklati. Is-suċċess ta dan kollu jista jkun imsejjes fuq il-fatt li l-kumpanija BCRS Malta, l-operatur liċenzjat tal-Iskema Nazzjonali tar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb, ħabbret titjib importanti fil-magni Jumbo Reverse Vending Machines (RVMs) tagħha madwar il-Gżejjer Maltin. 

Dan hekk kif minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Frar 2026, il-magni Jumbo RVM kollha ġew mgħammra b’Comingle Compactors, li jippermettu d-depożitu f’daqqa kemm ta’ fliexken tal-plastik kif ukoll ta’ kontenituri tax-xorb tal-aluminju f’volumi kbar.

Dan it-titjib għandu l-għan li jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-utent u jagħmel il-parteċipazzjoni fl-iskema aktar effiċjenti u konvenjenti. Peress li l-kontenituri tal-PET u tal-aluminju jistgħu jitpoġġew flimkien, il-kompatturi l-ġodda jnaqqsu l-ħin meħtieġ għall-immaniġġjar u jissimplifikaw il-proċess tar-ritorn, filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin ta’ rkupru tal-materjal meħtieġa taħt l-iskema.

Huwa ammirevoli l-fatt li kieku ma saritx din l-inizjattiva tal-BCRS dawn il-miljuni kollha ta’ fliexken partikularment dawk tal-plastik x’aktarx li kienu jispiċċaw mormija xi mkien jew fil-baħar b’detriment qawwi għall-ambjent naturali u l-ħajja marittima ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport