Sunday, November 24, 2024

MIŻURI BIEX JITĦAFFU L-PROĊEDURI FIL-QRATI

Aqra wkoll

Huwa fatt li l-inkjesti maġisterjali li għadhom pendenti hu ta’ tħassib. Fil-fatt bħalissa hemm madwar 1,700 inkjesta li għadhom għaddejjin b’uħud minnhom imorru lura saħansitra għexieren ta’ snin.

Wieħed japprezza illi ħafna mill-inkjesti huma ta’ natura mhux daqstant gravi u għaldaqstant m’għandhomx jieħdu tul ta’ żmien biex ikunu konklużi.

Konxju tal-ammont kbir ta’ inkjesti pendenti, il-Gvern se jkun qed jirrimedja għal din is-sitwazzjoni bil-ħatra ta’ erba’ maġistrati addizzjonali ma’ dawk li diġà qegħdin fuq il-bank tal-ġudikatura. Dan bil-għan li jitħaffu l-proċessi li jirrigwardjaw l-inkjesti.

B’dan il-mod, il-Gvern qed ikompli jwettaq ir-riformi li hemm bżonn biex il-kawżi quddiem il-Qrati, huma x’inhuma, jekk hux inkjesti jew kawżi ordninarji, jitħaffu u ma jibqgħux ikarkru snin twal. Irridu niftakru li biż-żieda tal-membri tal-ġudikatura, se jkunu qed jissaħħu wkoll ir-riżorsi umani fil-Qrati tal-Ġustizzja.

Dan ukoll fil-kuntest li fil-jiem li għaddew, il-President ta’ Malta ħatar tliet Imħallfin ġodda bil-għan ukoll li jitħaffu l-kawżi fil-Qrati Superjuri. Il-ħatra tagħhom qed tantiċipa li fix-xhur li ġejjin se jirtraw żewġ imħallfin u għalhekk il-ħatriet ġodda se jkunu lesti għal meta jasal dan il-mument.

Sadanittant, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ħabbar li se titressaq riforma leġiżlattiva oħra għall-konsultazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-esperti li jiġu mqabbdin mill-Qrati. Din ir-riforma se timxi b’mod paralell ma’ dik dwar l-inkjesti pendenti.

Iż-żieda fil-membri tal-ġudikatura ġġib magħha wkoll il-ħtieġa li jiżdiedu l-awli fejn jiġu proċessati l-kawżi. Konxji ta’ dan il-Gvern diġà alloka binja li se tikkonsisti f’erba’ awli li se jiffukaw l-aktar fuq il-kawżi kriminali.

Nittamaw li din ir-riforma tneħħi mill-imħuħ tal-poplu, il-ħsieb li meta tidħol il-Qorti taf imma meta toħroġ ma tafx. Dan b’referenza għad-dewmien fil-qtugħ ta’ kważi u fit-tlestija tal-inkjesti. Għalhekk wieħed jistenna li ħafna mid-differimenti tal-kawżi jiġu evitati u tkompli tinkiseb aktar fiduċja fil-Qrati Maltin.

Fuq kollox, il-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tkun tidher li qed issir.

Sport