Friday, January 10, 2025

MIŻURI BIEX PAJJIŻNA JKOLLU AMBJENT AĦJAR

Aqra wkoll

Il-Gvern huwa mpenjat li jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima, fl-istess waqt li jkompli jmexxi l-quddiem it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, jzomm mal-impenn li ċ-ċittadini ma jkunux mgħobbija b’piżijiet biex jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dan fir-rigward tal-ambjent. Huwa għalhekk li l-Gvern ippreżenta il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima aġġornat lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-pjan għandu l-għan li sal-2030 iwassal għal tnaqqis sostanzjali ta’ 41% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Bidliet ewlenin qed isiru fl-oqsmu tal-enerġija, l-immaniġjar tal-iskart, l-industrija u t-trasport.

B’dan kollu pajjiżna se jkun qiegħed jara tnaqqis ta’ 77% fl-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-enerġija meta mqabbel mal-2005. Dan primarjament minħabba l-bidla mill-heavy fuel oil għal gass u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku b’interconnector li tlesta fl-aħħar snin u ieħor mistenni jitlesta fis-snin li ġejjin.

Naqblu ma’ dak li qalet il-Ministru tal-Ambjent fir-rigward tal-Pjan Nazzjonali, li l-pjan jirrapreżent impenn trasformattiv biex Malta tkun aktar sostenibbli u reżiljenti.

Quddiem dan kollu, ħadd ma jista’ jiċħad li pajjiżna fil-limitazzjonijiet u ċ-ċokon tiegħu, qed jagħmel dak kollu li jista’ biex jintlaħqu l-miri ambjentali Ewropej. Dan qed narawh iseħħ bil-proġetti li jinċentivaw il-ħidma għal ambjent aktar nadif u sostenibbli fosthom spazji miftuħa.

Ma nistgħux ma nsemmux is-sussidji li għadhom jingħataw fix-xiri tal-panelli foltovojtaijiċi u fix-xiri ta’ vetturi elettriċi. Lanqas nistgħu ninjoraw il-ħidma kbira li saret biex jitnaqqas it-tniġġis tal-vapuri permezz tal-proġett ’shore to ship’.

Għalhekk jekk ilkoll bħala poplu niġbdu l-istess ħabel almenu fil-qasam ambjentali, pajjiżna mhux biss jilħaq l-obbligi Ewropej tiegħu imma wkoll iċ-ċittadini jkollhom l-opportunità li jgħixu ħajja aħjar fil-ġejjieni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport