Monday, March 9, 2026

Miżuri favur il-mara u wara?

minn Lorna Borġ Vassallo

Aqra wkoll

Jum il-mara għadda. Iżda l-isfida dejjiema illi n-nisa jiksbu post xieraq fis-soċjetà tkompli.

Nhar Jum il-Mara 2026, l-IPU (Unjoni tal-Grupp Interparlamentari fi ħdan il-Ġnus Magħquda) ħabbret illi l-persentaġġ tan-nisa fil-parlamenti tad-dinja fil-bidu ta’ din is-sena kien biss ta’ 27.5%.  Iż-żieda fuq livell dinji kienet ta’ 0.3% biss mis-sena – l-inqas żieda qatt reġistrata fl-aħħar 10 snin minkejja diversi kwoti u miżuri. Dan l-istħarriġ sar ukoll wara 49 elezzjoni li saru s-sena l-oħra.  Kull fejn kien hemm kwota dan sarraf f’31% tal-ħatriet ikunu nisa.  Fejn ma kienx hemm il-ħatriet tan-nisa ammontaw biss għal 23%.

L-istatistika tal-2026 mqabbla mal-1995 turi li l-Kontinent Amerikan (li jinkludi l-Amerka t’Isfel u dik Ċentrali) għadu fuq quddiem b’35.6% tal-MP li huma nisa. Fit-tieni post tiġi l-Ewropa b’32.3%. 19% tal-Presidenti (Speakers) tal-Kmamar Parlamentari biss madwar id-dinja huma nisa.

L-UE wkoll ħabbret li 33.6% tal-MP Ewropej huma nisa (qabża ta’ 5.4% mill-2015). Il-Finlandja tinsab fl-1el post b’46%, segwita mill-Isvezja (44.8%) u d-Danimarka (44.7%).  Malta ġiet is-7ba’ minn l-aħħar mis-27 pajjiż membru, li jfisser li 20 pajjiż ieħor ġie qabilna. Warajna ġew il-Bulgarija, il-Greċja, is-Slovakkja, ir-Rumanija, l-Ungerija u Ċipru.  Iżda Malta ssemmiet ukoll minħabba l-fatt illi kellha żieda ta’ 14-il membru parlamentari ġdid mara mill-2015. 

Fir-rapporti ta’ kull xahar ħareħ ukoll li fuq livell dinji, l-iRwanda (46.2%) hija l-aktar pajjiż li għandu nisa fil-Parlament. Warajh Kuba, Nikaragwa, Bolivja, Messiku, Andorra u l-Emirati Għarab Magħquda. L-ewwel pajjiż Ewropew (il-Finlandja) jiġi fit-13-il post fuq livell dinji.  Malta tinsab fit-82 post minn 193 pajjiż. Fatti sorprendenti skont din l-istatistika (li xi kultant ma taqbilx ma’ dik tal-UE), l-Istati Uniti, l-Iżrael u l-Irlanda  għandhom anqas nisa minna fil-parlament. Id-diskrepanza tista’ toħroġ għax ċertu pajjiżi għandhom żewġt ikmamar parlamentari. 

Jista’ jingħad, iżda, illi apparti l-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel u r-Rwanda (Afrika) li jiġu l-ewwel fid-dinja, bla dubbju hemm ukoll diversi pajjiżi li għandhom ferm inqas riżorsi u forsi persentaġġ inqas tal-popolazzjoni b’livell għoli ta’ edukazzjoni minna fosthom fl-Afrika li għandhom ħafna iktar nisa fil-parlament, fosthom l-Etijopja (23 post), il-Burundi (32 post), l-Uganda (52 post) u s-Sudan t’Isfel (il-51 post). 

Donnhom li l-livell ta’ edukazzjoni, ir-reliġjonijiet u l-kultura għandhom impatt limitat fuq in-nisa fil-parlament. L-istess il-libertà tal-espressjoni u l-avvanz teknoloġiku. Il-verità tista’ tkun li l-inċentivi għandhom impatt ferm akbar.  U jista’ jkun li kieku mhux għall-inċentivi pro-attivi, kieku ċerti pajjiżi jmorru lura minn statistika għal oħra minflok ’il quddiem kif ġara anke f’Malta.

Il-ġimgħa d-dieħla nitħaddet dwar x’jista’ jiġri mill-miżuri mdaħħlin lokalment.  Se ntellgħu aktar nisa bil-voti tagħhom u l-by-election? Jew ċerti nisa ser iċedu posthom għal oħrajn? Jogging-on-the-spot ġdid? Se jkollna iktar kandidati nisa fl-elezzjoni li jmiss? Nistgħu neħlu mad-29.1% u nibqgħu hemm?

Lorna Borg Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ikkontestat għal 3 elezzjonijiet ġenerali u waħda tal-parlament Ewropew. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport