Monday, March 16, 2026

Miżuri favur il-mara u wara II?

Aqra wkoll

Fl-ewwel artiklu tiegħi ta’ din is-sena ktibt dwar is-sitwazzjoni tal-Membri Parlamentari (MP) nisa fuq livell dinji li tlaħħaq biss is-27.5%.  Fuq livell Ewropew hija ta’ 32.3%. Malta ġiet is-7ba’ minn l-aħħar mis-27 pajjiż tal-UE u fit-82 post minn 193 pajjiż fid-dinja. Dan wara l-miżuri li daħħlet Malta li wasslu għal żieda ta’ 14-il MP ġdida mara mill-2022. 

Iżda x’għandu wieħed jistenna li jiġri fit-tieni elezzjoni li tapplika l-miżuri? Fl-elezzjoni tal-2022 erba’ nisa ġew eletti bil-voti tagħhom (miż-żewġ partiti).  Sitta oħra ġew eletti bil-by-election. 12 oħra bil-mekkaniżmu korrettiv.  Mill-4 nisa eletti fl-ewwel għadd tnejn huma Ministri u waħda Segretarju Parlamentari. Mis-sitta eletti bil-by-election waħda hija Segretarju Parlamentari u mit-12-il MP eletti bil-mekkaniżmu korrettiv MP oħra hija Segretarju Parlamentari.

Wieħed jistenna illi n-nisa li llum huma Ministri u Segretarji Parlamentari kollha jerġgħu jiġu eletti fl-elezzjoni li jmiss. Jekk inkunu ffortunati bil-voti tagħhom stess. Dan ifisser li 5 nisa għandhom prospetti sbieħ għall-elezzjoni tal-2026/2027. Iżda jista’ jkun ukoll illi in-nisa illi ġew eletti permezz tal-by-election u l-mekkaniżmu korrettiv minflok ma jżommu posthom fil-parlament, jitilfuh u sempliċiment jiġu sostwiti minn nisa oħra.  Ir-riskju huwa akbar fuq dawk li ġew eletti bil-mekkaniżmu korrettiv. 

Ngħid dan a bażi tal-fatt illi dawn in-nisa jista’ jkollhom anqas riżorsi mhux biss finanzjarji imma wkoll amministrattivi għall-kampanja li jmiss.  Dehru wkoll ħafna inqas fuq il-mezzi tax-xandir.   Minbarra dan, fil-fehma tiegħi, fil-każ tal-by-election kif ukoll il-mekkaniżmu korrettiv jidħol iktar l-element tax-xorti. U x-xorti tista’ tmissek darba imma mhux darbtejn.  

Fil-politika, waħda mill-aqwa kwalitajiet li jistgħu jkollu kandidat huwa l-fatt li jkun diġà tela’ u iktar u iktar li ngħata kariga ta’ Ministru jew Segretarju Parlamentari (bl-Ingliż incumbency).  

Jien naqbel mal-mekkaniżmu korrettiv għax żgur li qed iwassal għal aktar kandidati nisa.  Jista’ jkun ukoll li qed iwassal għal anqas kandidati rġiel (xi ħaġa negattiva iżda li jkollna bilfors ngħaddu minnha biex inbiddlu mentalità patrijarkali). Però, bla dubju, kandidati rġiel ġodda se jkun hemm ukoll u dan jista’ jwassal għal poloz tal-vot itwal.  

Poloz tal-vot itwal jistgħu rarament iwasslu għal iktar tqassim ta’ voti u għal sorpriżi fejn jiġu eletti iktar kandidati.  Iżda l-probabbiltà hija illi jekk jikber l-ammont ta’ kandidati nisa, u rġiel, l-istess kandidati jikkompetu wisq ma’ xulxin u ma jkollniex aktar membri parlamentari nisa.  Dan jista’ jwassal għal eks-MP li jdumu ma jitilgħu u għal lotterija oħra wisq ibbażata fuq ix-xorti fil-każ ta’ kandidati ġodda.

Minkejja dan, jekk wieħed iħares mil-lat ta’ ġeneru (hekk kif żgur li wasal iż-żmien li nagħmlu)  wieħed jispera li l-mekkaniżmu jerġa’ jkun ta’ suċċess. Fl-agħar każ jista’ jkun li nibqgħu bl-istess numru ta’ nisa. Iżda probabbilment jiżdiedu minimalment.  Biex ikollok iktar MP nisa, huwa ferm importanti li jkollok iktar kandidati. L-ewwel tappa lħaqnieha. It-tieni waħda, dik li n-numru ta’ nisa fil-Parlament jiżdied minn darba għall-oħra: irridu naraw.

Lorna Borg Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ikkontestat għal 3 elezzjonijiet ġenerali u waħda tal-parlament Ewropew. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport