Saturday, January 4, 2025

MIŻURI GĦAL KUNDIZZJONIJIET AĦJAR TAL-ĦADDIEMA 

Aqra wkoll

Mill-bidu tas-sena l-ħaddiema tal-kuntrattur ingħataw drittijiet ġodda li qabel ma kellhomx. Dan billi se jkunu mħallsin daqs ħaddiema oħra li jagħmlu l-istess xogħol tal-istess valur. B’hekk se jintemm l-isfruttament li din il-kategorija ta’ ħaddiema kienet ilha tiffaċċja speċjalment ħaddiema barranin. 

Dan konformi mal-politika tal-Gvern Laburista illi kemm jista’ jkun inaqqas id-diżugwaljanzi li kien għadhom jeżistu bejn kategoriji ta’ ħaddiema fl-istess post tax-xogħol. B’sodisfazzjon ninnutaw li dejjem kien Gvern Laburista li tejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mhux biss li huma impjegati tal-Gvern imma anke tas-settur privat. Tant illi f’dawn l-aħħar snin, żdiedet b’mod sostanzjali l-paga minima.

Dan l-iżvilupp milli jidher ma nħassx li huwa importanti tant li l-Partit Nazzjonalista f’dawn il-jiem flok faħħar il-leġiżlazzjoni ġdida li hija intenzjonata li ġġib ugwaljanza anke fuq il-postijiet tax-xogħol, skartawha għalkollox u ma lissnu ebda kelma ta’ approvazzjoni dwarha.

Madanakollu, il-verità hi li dawn il-ħaddiema tal-kuntrattur se jkunu aġevolati b’mod li titjieb il-qagħda tagħhom. Għalhekk nittamaw illi ladarba fl-1 ta’ Jannar 2025 daħlu fis-seħħ dawn il-miżuri jkunu kumplimentati b’infurzar biex jiġi assigurat illi dawn jitwettqu. Għax jekk le, il-liġi tibqa’ biss fuq il-karta. Madanakollu aħna konvinti li l-awtoritajiet governattivi se jaraw li l-miżuri jitwettqu, fil-kuntest illi dan il-Gvern iwettaq dak li jkun wiegħed. 

Nittamaw ukoll illi dawn il-miżuri ta’ titjib ma jiqfux hemm imma jitkomplew anke f’oqsma oħra tax-xogħol fosthom l-ugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Dan għax għad hawn postijiet tax-xogħol fejn in-nisa huma mħallsin inqas mill-kollegi tagħhom irġiel.

Mertu għal dan għandu jingħata wkoll lill-General Workers’ Union li ilha tinsisti biex kwalunkwe sfruttament ta’ ħaddiema fil-post tax-xogħol ma jibqax għaddej, daqslikieku mhux iseħħ. 

Il-GWU sa mit-twaqqif tagħha emmnet li l-ħaddiema jixirqilhom li jkunu stmati l-istess u ndaqs u li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u jieħdu bi dritt dak li ħaqqhom u dak li huma intitolati għalih. 

Dan fil-kuntest li jekk il-ħaddiem ikollu kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem, se jkun produttiv aktar. Fuq kollox, il-kundizzjonijiet tajba tal-ħaddiema m’għandhomx ikunu meqjusa bħala kapriċċ imma bħala drittijiet li l-ħaddiem ituh id-dinjità tiegħu bħala bniedem. 

Ekonomija

Sport