Friday, July 4, 2025

MIŻURI INTIŻI LI JINKORAĠĠIXXU L-UŻU TA’ TRASPORT ALTERNATTIV

Aqra wkoll

Bil-għan li jkompli jindirizza l-problema tal-volum tat-traffiku fit-toroq Maltin, il-Gvern qiegħed jieħu diversi miżuri intiżi li jinkoraġġixxu l-użu ta’ trasport alternattiv. L-użu tar-roti u l-mixi jibqgħu alternattiva tajba għall-użu tal-karozza. Madanakollu, hemm ukoll mezzi oħra li qed iħallu impatt pożittiv fosthom it-trasport bil-baħar. Huwa tajjeb għalhekk li naraw ftit minn fejn beda dan is-servizz, x’kienet l-idea warajh u fejn ninsabu llum. 

Kien proprju erba’ snin ilu meta beda jopera s-servizz tal-fast ferry bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr, Għawdex. Dan jingħaqad f’katina ma’ servizz ieħor tal-ferry li jopera minn Tas-Sliema għall-Belt u mill-Kapitali għall-Kottonera.  

Fl-2022, il-Gvern żied is-sussidju għal dawn is-servizzi fejn wasslu biex in-numru ta’ passiġġieri li jagħmlu użu minn dan is-servizz żdied b’aktar mid-doppju. Sentejn wara, f’Jannar tal-2024, is-servizz tal-ferry f’Tas-Sliema, il-Belt Valletta u l-Kottonera sar bla ħlas, miżura li ssarrfet f’żidiet drastiċi mill-għadd ta’ Maltin li rrikorrew għat-trasport bil-baħar. 

Fl-istess waqt, kien hemm żidiet rekord fl-ammont ta’ passiġġieri li għamlu użu mill-fast ferry mill-Belt Valletta għall-Imġarr Għawdex. Fl-aħħar sena kienet irreġistrata żieda ta’ 20.5% f’passiġġieri kkumparat mas-sena ta’ qabel.

Bil-potenzjal li fih dan il-mezz ta’ trasport alternattiv, il-Gvern issa qiegħed jieħu aktar inizjattivi intiżi li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna Maltin u Għawdxin.

Għalhekk nilqgħu l-aħbar li se tkun qiegħda toħroġ sejħa għall-proposti mill-privat għall-operat ta’ servizz ta’ trasport bil-baħar bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex. Din l-aħbar ingħatat mill-Prim Minstru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-breakwater u l-moll f’Buġibba b’investiment ta’ kważi 14-il miljun ewro. Biż-żieda ta’ dan is-servizz, se jkollna trasport bil-baħar iżjed effikaċi u użat iżjed mhux biss bejn il-fliegu u l-portijiet ewlenin iżda anke lil hinn.  

Għalhekk nemmnu li dan l-investiment huwa pass ieħor ‘il quddiem fil-viżjoni tal-Gvern għat-trasport bil-baħar. Dawn kollha huma inizjattiivi importanti. Fil-fehma tagħna però, xorta waħda jibqa’ l-fatt li jeħtieġ ikun hemm bidla fil-mentalità biex in-nies jibdew jagħmlu aktar użu tal-mezzi ta’ trasport alternattiv.

Naturalment, għal ħafna minna din insibuha diffiċli. Imma nemmnu li kull sforz li nistgħu nagħmlu f’din id-direzzjoni tista’ tikkontribwixxi biex jonqos it-traffiku fit-toroq tagħna u allura jonqsu wkoll l-emissjonijiet ta’ dħaħen fl-arja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport