B’mod ġenerali, naħseb li l-Budget 2026 se jkollu fih miżuri li jibqgħu konsistenti mal-pjani tal-Gvern maqbula mal-Kummissjoni Ewropea biex ikompli jnaqqas id-deficit tal-finanzi pubbliċi u jiġi kompletament konformi mar-regoli taż-żona tal-ewro, proċess li miexi tajjeb ħafna. Il-miżuri jitrikkbu fuq titjib fil-qagħda finanzjarja u ekonomika Maltija li se jkunu, f’ċerti oqsma, aqwa minn dak mistenni, bi strateġija ppernjata fuq ir-rankatura tat-tkabbir ekonomiku sostnut li rajna u għadna naraw fil-pajjiż.
Dan se jippermetti miżuri ta’ titjib soċjali b’ċerti benefiċċji u servizzi soċjali indirizzati l-aktar lejn il-pensjonanti, lejn il-missirijiet u l-ommijiet li jaħdmu u lejn ċerti setturi fost iż-żgħażagħ (bħal miżuri li jkomplu jtaffu l-piżijiet tax-xiri u l-kiri ta’ djar u appartamenti).
M’għandu jkun hemm l-ebda żieda f’taxxi diretti u jekk se jiddaħħlu xi tariffi ġodda għal servizzi/liċenzji/permessi tal-Gvern, dawn ma jkunux qawwija u “jinħbew” tajjeb.
Fil-qasam tal-investimenti, proġetti mibdija jiġu konfermati u jingħata bidu għal xi oħrajn b’emfasi fuq oqsma tal-ambjent kif jifhimhom il-Gvern, is-saħħa, l-edukazzjoni b’emfasi fuq l-aspett diġitali u forsi, Għawdex. (Ikun hemm referenza għal proġett ta’ trasport publiku ta’ massa, kif dejjem isir fiż-żmien ta’ qabel elezzjoni riesqa.) Fil-maġġoranza tagħhom, iċ-ċittadini se jkunu sodisfatti għal sodisfatti ħafna bil-Budget 2026.
Dwar x’qiegħed nistenna li joħroġ mill-Budget 2026, fis-sens ta’ x’naħseb li għandu jkun fih (ukoll): il-miżuri li semmejt, nemmen u naqbel li għandhom ikunu fil-Budget.
Magħhom naħseb li għandu jkun hemm ukoll imma, niddubita kemm dan se jiġri:
Inizjattivi biex il-Gvern:
— jinvestiga l-ispejjeż kurrenti tiegħu bil-għan li jnaqqas nefqa li hi żejda;
— jelimina operat li huwa rduppjat jew ineffiċjenti;
— jikkonsolida l-ħidma tiegħu u jqasqas il-burokrazija waqt li jdaħħal aktar trasparenza;
— jittratta d-deficits u djun minsuġa fl-operat ta’ entijiet governattivi u rappreżentattivi li mhumiex jidhru fil-finanzi ċentrali (korporazzjonijiet u kumpaniji tal-gvern, awtoritajiet, kunsilli lokali, bordijiet, Università, MCAST); u
— jirraporta dwar il-qagħda tal-garanziji li l-gvern għandu favur entijiet governattivi jew le fl-operat finanzjarju tagħhom.
Oħrajn:
* Inizjattiva biex il-ħaddiema kollha jkunu f’unjin tal-għażla tagħhom (ħlief jekk jirrifjutaw li jkunu hekk) bħala parti minn ħidma biex is-suq tax-xogħol jiġi regolat b’mod serju u jixxejnu l-abbużi kontra ħaddiema Maltin u barranin;
* Inizjattiva għal riforma mill-qiegħ fl-ippjanar tal-bini u l-iżvilupp, ħielsa mill-indħil ta’ interessi vestiti, b’moratorium totali fuq kwalunkwe żvilupp f’inħawi barra miż-żoni tal-iżvilupp (ODZ);
* Inizjattivi u pjan fuq skala medja (medium term) imma ta’ darba għal dejjem, b’investimenti ġodda, ħalli l-amministrazzjoni u l-operat tal-qrati ma jibqgħux fost l-aktar primittivi fl-Ewropa fit-tul ta’ żmien biex jinqatgħu il-kawżi; u
* Jitnieda programm tassattiv fuq medda medja u tat-tul (“medium & long term”) ta’ investimenti kapitali li ma jkunx ikkondizzjonat mill-kriterji li tissettja l-Unjoni Ewropea għall-proġetti li hi tkun lest tiffinanzja. Il-programm ikollu dawn l-impenji fuq bażi prioritarja: il-binja ta’ metro; vapur ġdid għat-traġitt bejn Malta u Għawdex; il-bini ta’ sptar mentali ġdid; ir-riabilitazzjoni tal-isptar San Luqa.