Monday, January 26, 2026

Miżuri li jgħinu biex jiżdiedu l-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema- is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja fisser l-impatt pożittiv li se jkunu qegħdin iħallu l-miżuri mħabbra fil-budget għall-ħaddiema u anke għall-familji tagħhom. Fost dawn hemm it-tnaqqis fit-taxxi u l-inċentivi biex jiżdiedu l-pagi, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-abiltajiet tal-ħaddiema f’dinja ġdida tax-xogħol li kontinwament qed tinbidel.

F’intervent li għamel waqt diskussjoni mtellgħa mill-Partit Laburista bit-tema “Il-Kwalità tal-Ħajja favur il-Familji”, Bugeja rrefera wkoll għal bosta miżuri oħra favur il-ħaddiema fosthom it-taħriġ li se jingħata dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni.

“Dawn kollha se jgħinu biex jiżdiedu l-ħiliet u hekk kif l-ekonomija tkompli tikber u toħloq opportunitajiet ġodda, il-ħaddiema Maltin u l-Għawdxin jimlew dawk il-vakanzi li jinħolqu,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Huwa rrefera wkoll għaż-żieda fil-paga minima, it-tieni mekkaniżmu tal-COLA li jgħin lill-familji vulnerabbli u dak li sejħilhom bħala “pataflun ta’ benefiċċji soċjali” li jgħinu lill-ħaddiema, lil dawk li jaħdmu f’ħinijiet atipiċi u permezz tal-inwork benefit fost oħrajn. 

Minbarra dan, Bugeja semma kif f’diversi Ftehimi Kollettivi hemm klawsoli sabiex jinħoloq il-welfare fund, fejn il-ħaddiema tinqatgħalhom miżata żgħira fix-xahar li titpoġġa f’dak il-fond u li tgħin għal meta tinqala’ xi ċirkostanza lil kollegi oħra fuq il-post tax-xogħol.

“Dak huwa s-sens ta’ solidarjetà li jeżisti fuq il-postijiet tax-xogħol u biex il-ħaddiema jgħinu lil sħabhom,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport