Sunday, December 22, 2024

Miżuri li jolqtu l-pajjiżi tal-mediterran mhux pajjiżna biss fil-qbid tal-lampuki

Aqra wkoll

“Il-miżuri li daħlu fis-seħħ minn din is-sena daħlu għall-pajjiżi kollha li jistadu għal-lampuki fil-Mediterran u mhux f’Malta biss kif qegħdin jippruvaw jimplikaw xi wħud.” 

Qalet dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’messaġġ li fih iċċarat xi misinformazzjoni li sfortunatament qiegħda tiġi mxerrda b’rabta mas-sajda għal-lampuki.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li l-Gvern Malti ħadem qatigħ sabiex jinnegozja kwota diċenti għas-sajjieda dilettanti. Dan minħabba l-fatt li l-ewwel proposta kienet li sajjied dilettant seta’ jaqbad ħuta waħda biss kuljum.

“Però aħna dan qatt ma stajna naċċettawh u rajna li naħdmu sabiex inkomplu nżidu din il-kwota għas-sajjieda dilettanti għaliex aħna nemmnu fid-delizzji u nemmnu fil-bżonn li anke nipproteġuhom,” hija żiedet tgħid. “Wasalna sabiex sajjied dilettant illum jista’ jaqbad sa 10 kilos jew 70 kilos fil-ġimgħa. Dan ifisser li dgħajsa bi tliet sajjieda dilettanti fuqha tista’ taqbad massimu ta’ 30 kilo kuljum.”

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat ukoll li l-istaġun jiftaħ fil-15 t’Awwissu u li l-ħut irid ikun akbar minn 35 ċentimetru hija wkoll miżura li toħroġ mill-istess liġijiet u mhux xi ħaġa li qiegħda tiġi applikata f’Malta biss. 

Sadanittant, fir-rigward tal-programm ta’ kontroll tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Malta qiegħda tipparteċipa fil-Joint Deployment Programme Campaign mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) fiċ-ċentru ta’ moniteraġġ f’Vigo u fuq il-bastiment Ocean Sentinel, f’kampanja speċifika dwar l-istaġun tal-lampuki. 

Malta tibgħat ukoll espert ieħor f’Vigo flimkien ma’ uffiċjal ta’ spezzjoni fuq l-Ocean Sentinel sabiex ikun immoniterjat matul il-ħin kollu tal-ġurnata, il-bastimenti tas-sajd kummerċjali fl-ibħra internazzjonali. 

L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) jitwettqu fuq bastimenti tas-sajd fl-ibħra internazzjonali biex jinstabu kwalunkwe nuqqas possibbli ta’ konformità. L-għan ġenerali ta’ din il-kampanja huwa li tikkordina l-attivitajiet ta’ kontroll mwettqa fiż-żona operattiva mill-istati membri u l-EFCA.

Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta jagħmlu rondi speċifiċi fuq il-baħar speċjalment fil-25 mil nawtiku għall-istaġun tal-lampuki fuq il-bastimenti kollha tas-sajd. Uffiċjal mid-Dipartiment ikun dejjem preżenti waqt dawn l-ispezzjonijiet. 

Ekonomija

Sport