Il-fatt li x-xogħol diċenti jagħti dinjità lill-bniedem ilu jingħad mhux biss fi ċrieki politiċi imma wkoll f’setturi soċjali. Dan għaliex mingħajr ix-xogħol, il-bniedem iħossu li mhux jikkontribwixxi lejn il-benesseri tiegħu nnifsu, ta’ familtu u tas-soċjetà inġenerali. Madankollu, ix-xogħol waħdu mhux biżżejjed biex il-ħaddiem iħossu sodisfatt b’dak li jkun ipproduċa.
Għalhekk, politika li ssaħħaħ il-prinċipju li jinstab u jkun hemm bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja fil-familja hi kruċjali. F’pajjiżna ttieħdu miżuri li fejn ma kienx hemm, daħlu miżuri biex jinbena bilanċ bejn il-ħin fil-post tax-xogħol u l-ħin dedikat għall-familja.
Il-Gvern ħaseb biex ikun hemm dan il-bilanċ permezz ta’ miżuri li jinkludu l-leave għall-missirijiet u leave għall-ġenituri. Issa l-Gvern qed jaħdem ukoll dwar il-miżura tar-right to disconnect biex il-ħaddiem ma jibqax għaddej bix-xogħol wara l-ħin tax-xogħol u fil-ġranet ta’ vaganza.
Nilqgħu wkoll l-aħbar li semma l-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd li għadda, meta qal li l-Gvern se jiddiskuti l-estensjoni fil-ġranet tal-leave, bħalma huwa l-maternity u l-paternity leave, għal dawk il-ġenituri li fl-ewwel snin tat-trobbija jagħżlu li jkunu preżenti ma’ uliedhom.
Il-Prim Ministru ma waqafx hemm imma qal ukoll li se jkun hemm diskussjoni dwar kif għandhom jiġu inċentivati aktar il-ħaddiema sabiex ikollhom ukoll l-għażla tar-remote working, jiġifieri li fejn ikun possibbli x-xogħol isir mid-dar.
Għalhekk huwa tajjeb jekk il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) jibqa’ kontinwament jiddiskuti temi d-diversi modi ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, li qed ikunu determinati mill-avvanzi teknoloġiċi aktar u aktar permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Għalkemm il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja ilu fuq l-aġenda nazzjonali, hi wkoll responsabbiltà tal-għaqdiet tal-ħaddiema fosthom trejdunjins, li jkomplu jsaħħu l-argumenti tagħhom biex fejn dan il-bilanċ ma jeżistix, ikun inkorporat fi Ftehimi Kollettivi li huma jinnegozjaw f’isem il-membri tagħhom.
Il-Gvern qed jimpenja ruħu li dawn il-miżuri kollha se jkunu jorbtu mal-Viżjoni Malta 2050, li se ssaħħaħ ir-rwol tal-familja u se tpoġġiha fiċ-ċentru ta’ kull żvilupp sostenibbli, fl-istess waqt li se tolqot setturi differenti tal-pajjiż biex titjieb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

