Sena wara li kien tpoġġa fil-pubbliku r-rapport tal-inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Gvern żamm mal-wegħda tiegħu li jagħti rendikont tal-ħidma li tkun saret għat-twettieq tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-istess inkjesta. Dwar dan, anki saret seduta parlamentari.
Sa mill-bidu nett tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika, il-Gvern impenja ruħu u beda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport, fejn anke kien ħabbar ħames inizjattivi immedjati biex jirriforma s-settur tal-kostruzzjoni, li kienu jinkludi l-għoti ta’ leħen akbar liċ-ċittadin, infurzar aktar b’saħħtu, liġi ġdida tas-saħħa u s-sigurtà, il-ħarsien tal-bini u r-riforma fl-allokazzjoni tal-art.
Dawn il-miżuri flimkien ma’ ħafna oħrajn rajna l-frott tagħhom tul dawn it-12-il xahar li għaddew tant li f’dan il-perjodu, 22% tar-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport tal-inkjesta ġew implimentati b’mod sħiħ filwaqt li 74% oħra jinsabu fi stadju avvanzat ħafna biex jiġu implimentati.
Dan kollu jixhed ir-rieda soda tal-Gvern li jibdel u jirriforma fejn meħtieġ f’dan il-qasam. Twettqu bidliet kbar li ħadd qabel ma kellu l-kuraġġ li jagħmilhom, anke b’enfasi b’mod partikolari fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Bħala parti minn dan l-impenn, twaqqaf ukoll Kumitat Interministerjali li jinkludi erba’ Ministri li l-portafoll tagħhom huwa direttament marbut mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta.
Dan il-Kumitat jagħti rendikont dettaljat tal-progress li sar sa issa f’dan ir-rigward filwaqt li jenfasizza l-miżuri diġà implimentati u dawk li għadhom pendenti.
Tajjeb li nsemmu wkoll diversi inizjattivi li diġà ġew inkorporati fosthom is-servizz tal-Helpline 138 biex joffri għajnuna u informazzjoni fuq każijiet relatiti mal-bini u kostruzzjoni kif ukoll dwar aspetti ta’ saħħa u sigurtà. Flimkien ma’ dan żdied ukoll is-servizz professjonali ta’ avukat u perit bla ħlas għal persuni li b’xi mod jiġu affettwati minn kostruzzjoni.
Dan biex ma nsemmux ukoll is-serjetà li qed tiddaħħal anki f’dak li huwa liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi. B’hekk se jispiċċa ż-żmien fejn persuna tixtri ftit makkinarju u tiddikjara ruħa bħala bennej jew kuintrattur.
Għandna għax nifhmu li b’dawn il-miżuri kollha se tiddaħħal aktar serjetà fil-qasam tal-kostruzzjoni u fl-industrija tal-bini li fuq kollox hi fost il-pilastri ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna.