L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) qalet li l-Budget 2026 ipoġġi enfasi partikolari fuq il-familji u l-anzjani permezz ta’ miżuri varji. Inizjattivi li “huma mmirati biex jindirizzaw ir-rata baxxa ta’ fertilità fil-gżejjer Maltin u jgħinu biex tkun mitigata ż-żieda fl-għoli tal-ħajja”.
Barra minn hekk, il-GTA qalet li l-Budget se jkun qed jgħin lis-settur tan-negozji permezz tat-tisħiħ fl-iskema tal-Micro Invest. Żiedet tgħid li hemm ukoll muiżuri oħra ntiżi li jtejbu l-kontribuzzjoni ta’ Għawdex għat-tkabbir ekonomiku nazzjonali.
Il-GTA nnotat ukoll iż-żieda fl-eko-kontribuzzjoni, minn €0.50 għal €1.50 kull lejl, intiża sabiex din tkun investita fil-prodott turistiku. Dan filwaqt li fil-Budget jissemmew proġetti infrastrutturali oħra għall-gżira Għawdxija li huma ta’ benefiċċju għal dan is-settur fosthom it-titjib fit-toroq arterjali, ir-Rural Airfield u l-hyperbaric unit ġdid fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Barra minn hekk, il-Ministru għall-Finanzi ħabbar aktar konnettività bil-baħar lejn Għawdex bl-introduzzjoni ta’ servizz ta’ ferry ġdid li jgħaqqad Tas-Sliema, Buġibba u l-Imġarr, kif ukoll it-titjib fit-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.
Madankollu, il-GTA qalet li l-Budget ma jindirizzax uħud mill-proposti li kienet ressqet fosthom il-pjan komprensiv għal konnessjoni bil-baħar bejn il-gżejjer u l-espansjoni tal-port tal-Imġarr fost oħrajn.

