Fil-Baġit ta’ din is-sena, il-Gvern ħabbar diversi miżuri finanzjarji, fosthom it-twessigħ tal-faxex tat-taxxa fuq id-dħul għall-ġenituri, iż-żieda fl-allowance tat-tfal għal familji li jaqilgħu inqas minn €30,000, kif ukoll l-għotjiet relatati mat-twelid jew l-adozzjoni tat-tfal. Dawn kollha huma passi importanti ta’ sostenn għall-familji bit-tfal. Passi li jinkoraġixxu sforz biex tiġi indirizzata r-rata baxxa tal-fertilità f’ Malta.
Il-Baġit ta’ din is-sena qed jiffoka fuq din is-sitwazzjoni hekk kif irridu nirrikonoxxu li f’pajjiżna għandna l-anzjani qed jgħixu aktar, filwaqt li qed ikollna anqas żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Madankollu, filwaqt li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba, hemm bżonn aktar miżuri biex il-koppji jkollhom aktar tfal.
Il-Gvern għamel il-pass tiegħu, u għalhekk tajjeb li issa l-postijiet tax-xogħol jagħtu l-kontribut tagħhom, permezz ta’ miżuri favur il-familja u s-saħħa mentali. Bħall-flessibilità u t-teleworking, li ironikament wara l-pandemija naqas f’ċerti postijiet tax-xogħol b’detriment għall-familji, it-traffiku u l-ambjent hekk kif it-traffiku jikkawża aktar karbonju fl-arja.
Forsi hawnhekk wieħed jistaqsi: iżda mbagħad kif se titkejjel il-produttività tal-ħaddiema li jaħdmu mid-dar? Il-produttivita ma titkejjilx billi wieħed jippanċja għax-xogħol jew iċaqlaq il-mouse tal-kompjuter. Is-soluzzjoni hija għodda moderna li permezz tagħha titkejjel il-produttività tal-ħaddiema – performance management. Tiskanta kif għalkemm għamilna daqstant avvanzi f’dal-pajjiż, din is-sistema li permezz tagħha titkejjel l-effiċjenza u l-produttività għadha ma daħlitx daqstant.
Hawn kumpaniji kbar ta’ suċċess li jużawha, billi jorbtu l-performance management mal-business plan tal-kumpanija u fl-istess ħin joffru diversi miżuri favur il-familja lill-ħaddiema tagħhom. Sistema li flimkien ma’ dawn il-miżuri tgħin il-post tax-xogħol jilħaq il-miri tiegħu kif ukoll lill-familji jibbilanċjaw il-ħajja tagħhom bejn ix-xogħol u l-familja.
Għalhekk naħseb li huwa importanti li jekk irridu nkunu ta’ ġid biex ngħinu d-demografija ta’ pajjiżna, u nkunu parti wkoll mill-preparamenti għall-Viżjoni 2050 niffokaw aktar fuq miżuri relatati mal-flessibilità fuq il-postijiet tax-xogħol. B’hekk inkunu qed ngħinu kemm lill-familji kif ukoll ngħinu nnaqqsu l-problema tat-traffiku u ngħinu l-ambjent ta’ pajjiżna.

