Resqin lejn tmiem is-sena 2024 u l-bidu ta’ sena ġdida. Sena li bla dubju se ġġib magħha opportunitajiet ġodda lil ħafna, iżda wkoll sfidi li tajjeb wieħed jagħti kas aktar tagħhom għaż-żmien li ġej. Fuq kollox se tkun sena oħra li fiha se naraw jiġu implimentati miżuri soċjali li ġew imħabbra fil-Budget. Miżuri favur il-ħaddiema, l-pensjonanti, negozji, studenti u tant oħrajn. Miżuri tista’ tgħid ta’ benefiċċju għall-familji Maltin u Għawdxin.
Għalkemm dawn il-miżuri huma proġettati għat-12-il xahar li ġejjin, b’danakollu hemm miżuri ambizzjużi intenzjonati għal żmien aktar fit-tul. Il-Viżjoni Malta 2050, li x-xogħol fuqha diġà beda b’laqgħat anke fi ħdan l-MCESD se tinkorpora fiha miri intermedjarji sal-2035. Ma’ dawn se jkun hemm ukoll politiki oħra li jitrattaw is-suq tax-xogħol u s-settur tal-ospitalità. Dan kollu seta’ jsir għax fis-snin riċenti l-ekonomija kompliet tikber u tikkonsolida, bil-Gvern ikompli bil-politika tiegħu tal-inċentiv u mhux tal-awsterità.
Matul din is-sena stess rajna kif filwaqt li pajjiżi oħra għadhom jissikkaw iċ-ċintorin, f’pajjiżna dan ma sarx. Minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi, l-għajnuniet li ngħataw u għadhom qed jingħataw lil setturi varji tas-soċjetà tagħna kienu kruċjali biex seta’ jinżamm livell tajjeb tal-għajxien u l-impjiegi. Komplew jiżdiedu kif kompla jiżdied l-investiment f’bosta setturi. Kruċjali wkoll kien il-fatt li l-Gvern baqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-fjuwils u l-kontijiet tal-enerġija u se jkun qiegħed jibqa’ jagħmel dan għar-raba’ sena konsekuttiva.
Però l-Gvern mhux qed jieqaf hemm. Il-Budget li tressaq ftit ġimgħat ilu se jkun qiegħed jagħmel differenza f’ħajjet in-nies b’miżuri ċari u mmirati għall-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija. Fuq quddiem nett il-qasam soċjali li l-investiment qed ikompli jiżdied minn sena għall-oħra.
Il-Gvern ma qagħadx jistenna li jiġi Jannar 2025 biex jibda jferrex bosta miżuri tal-Budget. Fil-fatt f’dawn l-aħħar jiem il-Gvern beda jqassam mal-€24 miljun f’allowances lil 63,000 familja, fost għadd ta’ miżuri li tħabbru fil-budget u li se jkunu qed iwieżnu lill-familji u lill-ħaddiema.
Dan kollu jirrifletti s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna. Hija prova oħra wkoll li llum, l-ekonomija qiegħda hemm għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija. B’hekk qed naraw ukoll li l-frott ekonomiku qed jitqassam b’ġustizzja u skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod partikulari ta’ dawk l-iktar fil-bżonn, dawk bi dħul baxx u dawk vulnerabbli.