Raġel u mara li s’issa għadhom mhux identifikati dehru jġorru l-affarijiet personali tagħhom fuq karrijiet li qegħdin ikunu miġbudin mill-klieb.
Persuni li tkellmu ma’ din is-sit qalulna li din il-koppja dehru f’diversi lokalitajiet madwar Għawdex fosthom ilbieraħ il-Ħamis kienu f’Marsalforn u għall-ħabta tas-7.30pm dehru telgħin bil-mod lejn ir-Rabat. Il-persuni li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li f’nofs tat-triq il-klieb waqfu jimxu bil-konsegwenza li r-raġel u l-mara spiċċaw mal-ġemb tat-triq jipprovaw jaraw kif se jaslu r-Rabat.
Iżda l-istess persuni qalulna wkoll li f’ħinijiet minnhom il-mara dehret tagħti l-ilma u anke ikel lil wieħed mill-klieb.
Illum l-istess koppja dehru fl-inħawi tax-Xewkija u anke qrib il-parkeġġ fir-Rabat Għawdex.
S’issa mhux magħruf kif ir-raġel u l-mara spiċċaw f’din is-sitwazzjoni hekk kif fuq il-karrijiet jidher li għandhom ammont mhux ħażin ta’ affarijiet xi jġorru.