L-attakkant ta’ Liverpool, Mohamed Salah, jista’ jispiċċa jħalli l-club biex jingħaqad ma’ club rivali mill-Premier League.
Il-player ta’ 29 sena kien involut f’taħditiet dwar kuntratt mar-Reds matul l-istaġun kollu, bil-ftehim attwali tiegħu se jiskadi fi tmiem l-istaġun li ġej, li qanqal mistoqsijiet dwar il-futur tiegħu.
S’issa fl-istaġun 2021-22, il-winger lagħab 26 darba fil-Premier League, u skorja 20 goal fil-proċess, b’ħadd ieħor fil-kampjonat ma jirnexxielu jagħmel dak li għamel hu.
Huwa mifhum li jekk Salah ma jkunx jista’ jaqbel ma’ ftehim ġdid, għandu x-xewqa li jibqa’ fl-ogħla livell Ingliż, li jista’ jwassal biex jingħaqad ma’ club rivali dirett ta’ Liverpool.
L-internazzjonali Eġizzjan jippreferi jibqa’ f’Anfield, u jestendi l-kuntratt tiegħu, iżda dan se jiddependi fuq li ż-żewġ partijiet jingħaqdu fuq ftehim f’termini ta’ finanzi.
Salah irnexxielu jsib ix-xibka waqt ir-rebħa riċenti ta’ 2-0 li Liverpool kisbu fuq Brighton & Hove Albion, u se jerġgħu jkunu fl-azzjoni għada l-Erbgħa kontra Arsenal.