Il-President ta’ Malta George Vella inawgura monument li jfakkar lill-anzjani li tilfu ħajjithom matul il-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-karattru reżiljenti tal-anzjani f’dan il-perjodu diffiċli għal kull wieħed u waħda minna.
Il-President Vella stqarr li l-pandemija kienet aktar kiefra għall-anzjani, b’mod partikolari għal dawk li jinsabu f’xi residenza jew rikoverati l-isptar. Dan għax minkejja l-kura u l-għożża li jħaddnu biha lill-anzjani l-ħaddiema f’dawn l-istituzzjonijiet, il-firda u n-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku xorta jibqgħu esperjenzi diffiċli.
Il-President għalhekk appella biex bħala soċjetà nsibu mezz ta’ kif insaħħu l-preżenza tagħna fil-ħajja tal-anzjani. “Nemmen li flimkien mal-professjonalità tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerentoloġija u l-Ġerjatrija, kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti sehmu biex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna tmur dejjem għall-aħjar”. Opportunitajiet oħra jeżistu, qal il-President, basta wieħed jemmen fl-irwol ċentrali tal-anzjani fis-soċjetà tagħna. “Ir-rispett lejn l-anzjani tagħna u soċjetà inklussiva jmorru lil hinn mill-konfini tal-età,” stqarr il-President.
Sors ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet
B’referenza għal dan il-proġett li sar bl-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerentoloġija u l-Ġerjatrija (MAGG), il-President Vella osserva kif iż-żewġ figuri tal-monument qed iżommu d-distanza bejn xulxin, iżda permezz tas-swaba’ xorta jixtiequ jżommu kuntatt. “B’mod figurattiv, wieħed jista’ wkoll jinterpreta dan il-ġest bħala sors ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet u li jkompli jkattar l-għarfien bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik żagħżugħa,” irrimarka l-President.
Il-President Vella għalaq id-diskors tiegħu b’messaġġ favur l-għaqda u appella għal politika inklussiva għall-anzjani, li għandha tkun aċċessibbli għal kull anzjan – kemm dawk li jgħixu f’residenza tal-anzjani kif ukoll dawk li jgħixu fid-dar tagħhom.
Il-monument f’Tas-Sliema, huwa xogħol l-artist Wallace Falzon u l-arkitett David Zahra.