Saturday, December 21, 2024

“Morna lil hinn mill-obbligi tagħna biex insalvaw il-ħajjiet”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ issejjaħ biex jixhed fil-kawża li fetħu 52 immigrant kontra l-Istat Malti. 

L-immigranti qegħdin jallegaw li nkisrulhom id-drittijiet fundamentali tagħhom meta fl-Għid tas-sena li għaddiet, bastiment ġabarhom u ġew irritornati lura lejn il-Libja. 

F’dan il-perjodu, Malta kienet taħt emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika minħabba l-pandemija u l-portijiet kienu magħluqa. 

Abela beda biex jgħid li huwa ma kellux rwol dirett fl-operazzjoni ta’ salvataġġ u li huwa kien ikkuntattjat mill-Brigadier tal-Forzi Armati. “L-obbligi tagħna fil-qasam tat-tiftix u s-salvataġġ għandhom x’jaqsmu biss mal-kordinazzjoni. F’dan il-każ, morna lil hinn minn dak l-obbligu. Il-Brigadier saqsiena jekk nistgħux nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvaw il-ħajjiet u dak li għamilna,” qal il-Prim Ministru. 

Huwa żied jispjega li t-tagħmir tas-salvataġġ huwa provdut kuljum, matul is-sena kollha. “Dakinhar tal-inċident kienu ipprovduti ġkieket tas-salvataġġ u apparat ieħor. Konna taħt pressjoni tremenda. Il-pajjiż kien għadu kif iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika bil-portijiet u l-ajruport ikunu magħluqa. Stajna ma għamilna xejn u konna nibqgħu fid-drittijiet legali tagħna.”

Il-Prim Ministru kompla jsemmi kif b’mod regolari, l-AFM tkun imsejħa biex tagħti l-assistenza tagħha. Qal ukoll li l-użu ta’ bastimenti privati biex isalvaw in-nies ikompli matul is-sena kollha. “Aħna nagħmlu dan biex insalvaw il-ħajjiet,” qal il-Prim Ministru. 

“Pajjiżna fid-data inkwistjoni kellu l-portijiet u l-ajruport magħluqin b’ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-Kap tas-Segretarjat tiegħi qatta’ tliet ijiem u tliet iljieli jaħdem qatigħ biex isalva l-ħajjiet.” 

L-Avukat Paul Borg Olivier, li ppreżenta l-kawża, staqsa lill-Prim Ministru dwar it-12-il persuna li mietu fl-inċident u l-kumplament tal-immigranti li ntbagħtu lura lejn il-Libja. 

Il-Prim Ministru wieġeb: “l-Istat kien qed iwettaq l-obbligu tiegħu li jsalva l-ħajjiet. Konna qed nikkordinaw. Ma jfissirx li l-bastiment li jwettaq is-salvataġġ huwa aġent tal-Istat jew ingaġġat mill-Istat.”

“Din ma kinitx għajnuna umanitarja iżolata iżda xi ħaġa li ssir b’mod konsistenti. 30 tunnellata ta’ ikel u xorb jiġu provduti mill-Gvern Malti. Apparti minn hekk nipprovdu l-fjuwil. L-operazzjonijiet dak iż-żmien kienu f’idejn il-Kap tas-Segretarjat Clyde Caruana.

Huwa nsista li Malta aġixxiet skont l-obbligi internazzjoali. “Kont infurmat mill-Kap tas-Segretarjat li ħafna ħajjiet kienu ġew salvati. Ma kien hemm l-ebda rwol dirett jew direzzjoni min-naħa tiegħi. Il-Kaptan kien jaf b’mod preċiż x’inhi s-sitwazzjoni tal-bastiment. 

“Minkejja li ma kellna l-ebda obbligazzjoni, morna lil hinn minn dak dovut. L-ebda Prim Ministru fid-dinja ma nvolva ruħu fil-qalba tas-salvataġġ. Dan kien xahar biss wara li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 f’pajjiżna,” qal il-Prim Ministru li fakkar ukoll li kien hemm mat-800,000 immigrant lesti biex jitilqu mil-Libja. 

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Avukat tal-Istat Chris Soler, li qed jidher għall-Gvern Malti, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li f’dak il-mument parikolari, l-AFM kienu qed jagħmlu biċċa xogħol diffiċli u tħallsu lura billi ġew mistoqsija dwar omiċidju involontarju. 

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Borg Olivier staqsa lix-xhud dwar xi rwol kellu Neville Gafà f’din l-operazzjoni. Il-Prim Ministru qal li Gafà ma kellu l-ebda rwol ħlief li jgħaddi kuntatti bejn il-Ministeri. 

Abela tenna li minn meta nħatar Prim Ministru, Gafà ma kienx qed iwieġeb lilu u li ma kellu l-ebda kariga fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

Ekonomija

Sport