Saturday, December 21, 2024

“Morna mitt sena lura”… “missejna l-qiegħ”… każ ta’ ċensura fuq il-Moviment Graffitti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju lbieraħ filgħodu attivisti tal-Moviment Graffitti sabu li l-istand tagħhom fil-Freshers Week kien tbattal minn kulma kien hemm fih. L-istand tagħhom kien fih materjal ta’ Doctors for Choice li hu materjal favur l-ab abort. 

Dak li seħħ tqies mill-ewwel bħala ċensura, fejn ġei stabbilit li l-posters u dak li kien hemm kienu tneħħew mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), li jorganizzaw il-Freshers Week.  Ovvjament quddiem dan il-każ ta’ ċensura, kienu diversi dawk li kkummentaw b’mod negattiv. 

Rosianne Cutajar iddeskriviet dak li ġara bħala li ‘morna mitt sena lura”.  Claudette Abela Baldacchino iddikjarat li “jekk dan li qed jingħad huwa minnu, li m’għandix dubju li huwa l-verità, kif qed jingħad allura veru missejna l-qiegħ jekk lanqas nistgħu nħallu diskussjoni matura u serja dwar id-drittijiet riproduttivi fost iż-żgħażagħ tal-Università ta ‘ Malta. Din mhux il-Malta li naf jien, u lanqas hi l-Malta li rrid jien.”

Attivist li tkellem ma’ Talk.mt, qalilna li “dak li seħħ fl-aħħar sigħat għalkemm imbagħad intlaħaq kompromess, jiftaħ beraħ il-każ dwar iċ-ċensura f’pajjiżna. Każi li b’xi mod jew b’ieħor jew anke b’mod differenti minn snin ilu, qegħdin narawhom jerfgħu rashom. 

Iċ-ċensura llum tista’ tieħu forma billi xi ħadd ineħħilek il-materjal jew ma jħallikx tqassam materjal. Jista’ jkollok ċensura b’mod differenti. Illum qiegħed kun hawn każi fejn iċ-ċensura m’għadhiex komposta biss minn ħabi ta’ informazzjoni. Billi informazzjoni tinħeba jew ma tispiċċax fil-pubbliku.

Illum iċ-ċensura tieħu forom oħra u dan hu dak billi l-pubbliku inġenerali ikun ibbumbardjat b’ammont qawwi ta’ misinformazzjoni, jew informazzjoni irrilevanti, jew b’ammont ta’ videos bla valur, li lilek litteralment ineħħulek il-kapaċità li tiffoka, tgħarbel u taħseb.”

Jgħidilna li “l-kruha taċ-ċensura hi għax tiċħad lill-bniedem milli jesprimi ruħu. Jekk nieħdu x’kien jgħid George Bernard Shaw, dan kien jgħid li “l-ewwel kundizzjoni għal progress hi tneħħija taċ-ċensura”. Kien jgħid dan għax iċ-ċensura hi għodda li tintuża minn xi ħadd jew minn xi organizazzjoni biex jaħbi realtajiet li jkunu qegħdin iseħħu. Din il-biża’ hi ġejja mill-inabbiltà li jiffaċċjaw dak li hu reali”.

Tenna li “anki l-Kostituzzjoni tagħna titkellem ċar ħafna fuq il-libertà tal-kelma. Tgħid f’Artiklu 41, li ħadd ma għandu jiġi mfixkel fit-tgawdija tal-libertà  tiegħu ta’ espressjoni, magħduda libertà li jkollu fehmiet mingħajr indħil, libertà li jirċievi idejat u tagħrif mingħajr indħil, libertà li jikkomunika idejiet u tagħrif mingħajr indħil (kemm jekk il-komunikazzjoni tkun  lill-pubbliku in ġenerali jew lil xi persuna jew klassi ta’ persuni) u libertà minn indħil dwar il-korrispondenza tiegħu”.

Dan is-sit tkellem ma’ Claria Cutajar mill-Moviment Graffitti. Hi qaltilna li “kellna stand fil-Freshers Week bħala studenti universitarji.  Ġejna infurmati nhar it-Tlieta li kellna materjal  fuq l-abort u talbuna nneħħuhom. Ma qbilniex. Bħala organizazzjoni soċjali ilna ħafna nikkampanjaw fuq din l-issue, u dwar id-drittijiet tan-nisa.

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU)  qalulna li Freshers Week mhux il-post fejn titkellem fuq l-abort.  Dalgħodu sibna li neħħewlna kollox. Sibniha vojta. Meta tkellimna mal-KSU, irrifjutaw li jkellmuna u rreferewna għall-President. Morna inkellmuh u hu qalilna li l-abort hu suġġett li mhux postu fil-Freshers Week.”

Claria qaltilna li ‘aħna llum bdejna inqasmu xi flyers f’diversi żoni fl-Università.” L-istand ingħata lura imma ma kienx hemm il-materjal fuq l-abort. 

Il-Freshers Week mhux il-post fejn  tiddiskuti l-abort – Il-KSU

Talk.mt tkellem ukoll mal-President tal-KSU, Luke Bonanno dwar din il-kwistjoni.  Qalilna li “sena wara sena kien jiġu tal-Life Network. Din is-sena waqqafna lil Life Network milli jiġu. Dan sar  għax ma nemmnux li Freshers Week hi pjattaforma tajba fejn suġġett bħal dan ikun diskuss.

Dan hu suġġett kontroversjali u m’għandux ikun diskuss hemm. Dan għandu jkun diskuss f’post ieħor aktar ċivili fejn ikun hemm diskussjoni.   Il-Moviment  Graffittì kellu materjal ta’ Doctors for Choice. Ikkuntattjajnihom u  tlabnihom li jneħħu l-materjal u huma irrifjutaw.

Dalghodu jien u l-kumitat neħħejna xi posters li kien hemm. Iltqajna mal-Moviment Graffiti, u għall-ħabta tad-9.05 ta’ filgħodu l-istand kien armat  u bil-wegħda li aħna se nkunu qegħdin nitkellmu fuq l-abort b’mod aktar ċivili.”

Ekonomija

Sport