Monday, July 7, 2025

‘Mort ma’ klabb glorjuż. Issa nemmnu li nistgħu nġibu l-kampjonat lura lejn Birkirkara imma nafu wkoll li għandna sfida iebsa’ – Billy Mock

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Skont ħija, Charlie Mock, li issa miet, bdejt nilgħab bil-ballun hekk kif bdejt nimxi. Jien ġej minn familja sportiva ħafna, allura dik kienet id-DNA tiegħi. Apparti l-futbol fit-triq, il-vjaġġ tiegħi fil-logħob 11v11 beda ma’ Melita FC fejn irbaħna l-kampjonat taż-żgħażagħ għal tliet staġuni konsekuttivi mingħajr telfa.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Kowċ u Direttur Tekniku tat-tim tan-nisa ta’ Birkirkara FC?

Mort ma’ klabb glorjuż. Issa nemmnu li nistgħu nġibu l-kampjonat lura lejn Birkirkara imma nafu wkoll li għandna sfida iebsa minn Swieqi United, Hibernians u Mġarr United.

Kif tqis il-livell tal-futsal tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Il-futbol tan-nisa f’pajjiżna avvanza immens. It-tim nazzjonali Malti għamel passi ta’ ġgant ‘il quddiem. Dan jimmotiva u jattira aktar tfajliet żgħar biex jilagħbu l-futbol. Hemm moda fl-iskejjel ukoll. Il-plejers nisa jistgħu wkoll jilagħbu futbol attraenti u divertenti wkoll.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Aħna xxurtjati għax għandna tliet grawnds fejn nistgħu nitħarrġu, kollha ftit metri ‘l bogħod minn xulxin. Il-grawnds fejn jintlagħab il-kampjonat huma wkoll sodisfaċenti ħafna.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Il-futbol tan-nisa għandu l-mentalità t-tajba bħalissa. Il-biċċa l-kbira tal-klabbs għandhom kowċis tajbin ħafna u jagħtu ħafna importanza lill-iżvilupp. Xi bniet fin-nursery jitħarrġu mas-subien. Dan jagħmel vjaġġ iebes minn età żgħira ħafna, iżda fl-iżvilupp fit-tul jagħti ħafna valur lill-individwu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Din hija mistoqsija diffiċli biex titwieġeb. Iżda l-ħjiel li ġejjin jistgħu jgħinu.

Wieħed irid iħobb l-isport. Wieħed irid isegwi l-ħolma tiegħu. Wieħed irid jemmen fih innifsu. Wieħed irid ikun lest li jagħmel sagrifiċċji. Wieħed irid ikun lest li jaħdem iebes.

Wieħed irid ikollu attitudni tajba. Il-bqija jaqa’ f’postu waħdu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport