Friday, December 13, 2024

Mosta b’pass lejn is-salvazzjoni … Sliema W. b’pass lejn ir-relegazzjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Mosta …………1

Sliema W. …..0

F’logħba li kienet ‘il bo­għod milli tilħaq l-aspettattivi mixtieqa, Mosta għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 1-0 li kien biżżej­jed biex kisbu t-tliet punti u b’hekk għamlu pass important lejn is-salvazzjoni.

Mhux l-istess jista’ jin­għad għas-Slimiżi li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u din it-telfa fissret pass eqreb lejn ir-relegazzjoni hekk kif jinsabu distakki b’disa’ punti minn Balzan li jinsabu fit-tielet post mill-aħħar biex forsi jkunu jistgħu jirkupraw il-pożizzjoni tagħhom.

Fl-14-il minuta, l-assistant coach ta’ Sliema Wanderers, Noel Turner, li f’din il-partita kien qed jassumi r-res­ponsabbiltajiet tat-team wara li tkeċċa Andrea Pisanu, kien kostrett jeffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ Dejan Vukovic biex minfloku daħal jilgħab John Mintoff.

Kienu Mosta li fetħu l-iskor, fis-27 minuta, pro­prju fl-ewwel periklu li ħolqu meta WILLIAM DONKIN kellu xutt angolat mill-viċin li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, David Cassar,  isalva bil-ballun jintemm fis-saqaf tax-xibka. 

Il-Wanderers  wieġbu fit-30 minuta permezz ta’ xutt ta’ Matteo Piciollo minn barra l-kaxxa bit-tentattiv tiegħu jintemm ftit barra.

Wara l-mistrieħ, ir-ritmu baqa’ l-istess, tant, li baqa’ wieħed monotonu u konċentrat f’nofs il-ground biż-żewġ goalkeepers rispettivi rari kienu mġiegħla jidħlu fl-azzjoni.

Fis-60 minuta, waslet l-ewwel azzjoni ta’ din it-taqsima  meta Mosta heddew bla wisq periklu minħabba li t-tentattiv ta’ Sunday Akinbule falla l-mira.

Peró, bil-ħin għaddej  il-Mostin kienu kuntenti jamministraw u kontra team li deher mingħajr ideat fejn qatt ma rnexxielu jinfiltra d-difiża u jsib ix-xibka għall-goal tad-draw.

Dan minbarra li l-Wanderers temmew il-logħba fuq nota negattiva meta fil-ħin miżjud tkeċċielhom Danny Holla meta ntwera l-karta ħamra għal daħla kerha fuq Gianluca Sciberras.

mosta: 12-Ini Etim Akpan, 6-Roderick Briffa (16-Gianluca Sciberras 73), 7-William Donkin (77-Zachary Brincat 78), 13-Clayton Failla, 20-Boubakary Diarra, 22-Tyrone Farrugia, 30-Luis Riascos, 33-Dennis Agyare Antwi (8-Christ Ememe 73), 34-Rafael Morisco (5-Raul Manuel Fernandes da Silva 78), 88-Sunday Akinbule, 98-Rodriguez Ekani – Coach: Joseph Grech

sliema w.: 24-David Cassar, 5-Kurt Shaw (3-Juan Pablo Morales Rengifo 64), 6-Gabriel Aquilina, 8-Mark Scerri, 21-Danny Holla, 23-Matteo Piciollo (72-Jean Carlos Cloth Goncalves 45), 29-Oscar Linton Bethancourt, 30-Jean Paul Farrugia, 61-Myles Beerman, 88-Dejan Vukovic (7-John Mintoff 14), 99-Valmir Berisha   – Coach: Noel Turner

REFEREE: Darryl Agius

ASS. REFEREES: Luke Por­telli, Duncan Sultana

RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann

SKORER: W. Donkin 27 (M)

AMMONITI: G. Aquilina (S), T. Farrugia, D. Agyare Antwi, R. Ekani (M)

TKEĊĊA: D. Holla 92 (SW)

Ekonomija

Sport