Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Naħseb li din twelidt biha – xi ħaġa li writt mingħand missieri, Adrian, għaliex il-futbol huwa ħajjitna.
U għaliex għazilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Meta tkun żghir tkun trid tipprova kollox. U jien ta’ tifel fuq tiegħi li kont, darba tlabt lill-kowċ jekk jistax ipoġġini ftit goalkeeper, u qalli issa l-aħħar ħames minuti aqleb minn plejer u idħol goalkeeper. Missieri kien kellem lill-kowċ Mario Muscat li għandu skola tal-goalkeepers, u qallu jistax jikkowċjani peressli kien għad kelli biss sitt snin. Il-kowċ Mario kien qallu iva mela le, narawh u nimxu minn hemm. Għaddew għaxar snin u minn hemm ma ħarist lura qatt!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mosta FC.
Mosta FC lili fetħuli ħafna bibien, emmnu fija u tawni opportunitajiet li permezz tagħhom jien dak li jien illum. Għalija Mosta FC hija t-tieni familja tiegħi. Kull ħin li jkolli nqattgħu hemm!
X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew ksirt rekord partikolari meta sirt l-aktar plejer li lgħabt f’kategoriji differenti fi staġun wieħed?
Jien kuntent u sodisfatt għaliex il-ġranet twal li nqatta’ nittrenja u s-sagrifiċċji li nagħmel, issa se nibda nieħu l-frott tagħhom. Jien ħajti hija l-futbol!
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għalik personali f’diversi kategoriji ma’ Mosta FC?
Kollha kienu ta’ sodisfazzjon b’xi mod jew ieħor. L-U17 irbaħna il-kampjonat. Konna ilna naħdmu għalih jien u sħabi u l-kowċis. Kbirna flimkien, u nemmen li kien ħaqqna.
Il-kampjonat tal-youths, avolja ma rbaħnihx, xorta ġejna mat-Top 6, u fin-knock-out wasalna sas-semi-finali. Dan wara li l-iskwadra tagħna tigi utilizzata ħafna mit-tim tal kbar u forsi xi drabi nkunu limitati. U għalija ta’ 16-il sena li ngħatajt din l-opportunitá li nilgħab il-logħob kollu, huwa mertu ta’ sħabi u l-kowċ li emmnu fija.
Mat-tim tal-kbar huwa bonus u inċentiv biex jien nibqa’ naħdem ħalli ‘l quddiem forsi għad inkun jien li niddefendi l-lasti tal-Mosta fil-Malta Premier.
Kollha kienu esperjenzi sbieħ, peró li tidħol fil-Premier ta’ 16-il sena kien l-iktar mument memorabbli għalija sa issa fil-futbol!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell mhux ħazin imma baqagħlna ħafna x’naħdmu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Għadna ħafna lura u hemm ħafna x’jitranġa.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien qed nimmira li fis-snin li ġejjin nirbaħ posti fil-Malta Premier.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tħalli lil ħadd ikissrek jew iżommok milli tagħmel dak li tħobb! Ibqa’ aħdem u emmen fik innifsek, għaliex xi darba tasal żgur!