Friday, December 13, 2024

Mosta jirreġistraw rebħa mill-aktar importanti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Mosta ……….1

Sta Lucia …..0

Mosta kkonvinċew bis-sħiħ u għelbu l-isfida ta’ Santa Lucia bl-iskor ta’ 1-0, f’partita li fiha kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk, l-iskor seta’ saħansitra kien akbar. Min-naħa l-oħra, Santa Lucia xejn ma mpres­sjonaw fejn għadhom mingħajr rebħa taħt il-gwida tal-coach Taljan, Giovanni Tedesco.

Permezz ta’ din ir-rebħa, Mosta saħħew l-10 post u komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni.

Iżda proprju fl-ewwel mi­nuta, il-coach Mosti, Joseph Grech, kellu jeffettwa sostituzzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ Johann Bezzina  biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Olandiż, Youri Loen, li proprju kien qed jagħmel id-debutt tiegħu.

Kien biss fis-26 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Mosta jkunu huma li joħolqu l-periklu permezz ta’ free-kick ta’ Clayton Failla li iżda ġie salvat mill-goalkeeper Justin Haber.

Huma komplew fuq l-offensiva u fl-34 minuta ppro­testaw għall-penalty meta Edwin Acheampong deher jitwaqqa’ fil-kaxxa minn di­fensur avversarju iżda r-re­feree, Trustin Farrugia Cann, ħalla l-logħob għaddej.

Madankollu, dan kien il-preludju għall-goal tagħ­hom minħabba li  żewġ mi­nuti biss wara, SUNDAY AKINBULE, permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa te­fa’ l-ballun fir-rokna tax-xib­ka.

Fil-41 minuta, l-istess player Niġerjan falla ċans tad-deheb li jirdoppja għall-Blues u fi spazju ta’ ħames minuti għamel l-impossibbli u mill-viċin xeħet ferm għoli.

Santa Lucia wieġbu għall- ewwel darba eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Alan Da Silva Souza kellu konklużjoni ċentrali li ġiet salvata mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Ini Etim Akpan.

Erba’ mintuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Luċjani resqu ferm viċin li jiksbu d-draw meta Jan Tanti xeħet cross li minnu d-daqqa ta’ ras Vito Plut għaddiet tħakkek mal-wieqfa.

Fit-58 minuta kien imiss lil Sunday Akinbule li jfalli l-mira għal Mosta minn taħt il-lasti.

Fit-78 minuta l-istess play­er pprova jillobja l-ballun minn fuq Haber iżda dan tal-aħħar dawwar f’corner.

Fil-ħin miżjud, Nicholas Pulis resaq ferm viċin li jsalva r-riżultat għal Sta Lucia li iżda ġie mċaħħad mill-mimduda biex Mosta ħelsuha ħafif.

MOSTA: 12-Ini Etim Akpan, 6-Roderick Briffa (16-Gianluca Sciberras 81), 11-Edwin Geoffrey Archeampong (5-Raul Manuel Fernandes da Silva 81), 13-Clayton Failla, 19-Johann Bezzina (27-Youri Loen 1), 20-Boubakary Diarra, 22-Tyrone Farrugia, 33-Dennis Agyare Antwi (7-William Donkin 65), 34-Rafael Morisco, 88-Sunday Akinbule, 98-Rodriguez Ekani   – Coach: Joseph Grech

STA LUCIA: 16-Justin Haber, 4-André Prates, 5-Jurgen Pisani (21-Jamie Carbone 86), 6-Nicholas Pulis, 9-Vito Plut, 10-Alan da Silva Souza, 11-Ayrton Davidy Valpoort Meghon (7-Gianmarco Conti 70), 17-Luiz Victor Prestes Filho, 22-Jamie Zerafa (98-Kieran Xuereb 54), 23-Dexter Xuereb, 29-Yoel Lorenzo Soares Fonseca (14-Jan Tanti 46)   – Coach: Giovanni Tedesco

REFEREE: Trustin Farrugia Cann

ASS. REFEREES: Luke Portelli, Duncan Sultana

RABA’ UFF: Ishmael Barbara

SKORER: S. Akinbule 36 (M)

AMMONITI: J. Zerafa, Y. L. Fonseca Soares, A. Prates, J. Pisani, G. Conti, A. da Silva Souza (SL), T. Farrugia, E. G. Archeampong (M)

Ekonomija

Sport