Mosta …..….1
Naxxar L. ….0
Minn Cristian Muscat
Mosta rritornaw għar- rebħ meta għelbu lill-ġirien Naxxar Lions bl-iskor ta’ 1-0.
Din it-telfa ħalliet lin- Naxxarin fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt … minbarra li huma l-uniku team li ma sabx ix-xibka avversarja.
Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali ta’ Angulo Bolanos irriżulta bħala wieħed fraġli u ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper David Udoh Akpan.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-22 minuta xutt fil-baxx kważi minn tarf il-kaxxa tal-Ġappuniż Takuma Yamaguchi għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Man-nofs siegħa logħob, il-coach ta’ Mosta, Joseph Grech, kellu jeffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ Sunday Okereke, biex minfloku daħal jilgħab Joshua Agyemang.
U din is-sostituzzjoni malajr ħalliet il-frott mixtieq hekk kif kien proprju l-player mill-Ghana, JOSHUA AGYEMANG, li fetaħ l-iskor għall-Mostin fl-40 minuta, meta minn cross fuq il-lemin, huwa kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’tap-in minn taħt il-lasti tefa’ ġewwa.
Naxxar wieġbu eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta daqqa ta’ ras ta’ Edson Cerqueira Farias li ħarġet l-aħjar ta’ Akpan li dawwar f’corner b’mod stupend.
Fit-63 minuta, Maicon De Silva Souza, kellu x-xutt minn taħt il-lasta li għadda ftit għoli, b’Mosta jeħilsuha ħafif.
Mosta wieġbu erba’ minuti wara u kellhom ferħa bla temma meta Giancarlo Goncalves skorja iżda kien iġġudikat f’pożizzjoni ta’ offside.
Fid-69 minuta, Naxxar tilfu ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Hugo Dos Santos, sabet lill-goalkeeper Mosti attent.
Il-Lions ippruvaw jiftħu pressjoni iżda sabu lit-team Mosti ferm organizzat fid-difiża
MOSTA: 22-David Udoh Akpan, 3-Matthew Bolanos Garcia, 4-Prince Afriyie, 5-Sacha Cachia, 8-Junior Eke Chukwuemeka (6-James Arthur 46), 10-Giancarlo Goncalves, 13-Clayton Failla, 20-Salmo Sakari Ojala (29-Stephen Gabriel Chiemezie 59), 21-Nathan Agius (16-Gianluca Sciberras 78), 30-Sunday Okereke (23-Joshua Agyemang 30) (7-Jamie Scerri 79), 31-Joao Victor De Souza Teixeira – Coach: Joseph Grech
NAXXAR L.: 1-Matthias Debono, 3-Nikolai Micallef (11-Tara Ndao 76), 4-Bacary Sane, 7-Takuma Yamaguchi (15-Ryan Gimour Cassar 76), 8-Neil Pace Cocks, 9-Edward Orlando Angulo Bolanos, 10-Edson Farias Cerqueira, 20-Laton, 23-Maicon De Souza Da Silva, 25-Fernando Barbosa Pereira (33-Joao Vitor Moura Cardoso 88), 44-Ito Yasukaze (18-Hugo Dos Santos 46) – Coach: George Vella
REFEREE: Trustin Farrugia Cann
ASS. REFEREES: Luke Portelli, Kurt Saliba
RABA’ UFF: Vladimir Rizoski
SKORER: J. Agyemang 40 (M)
AMMONITI: M. Bolanos Garcia, J. Arthur (M)