Mosta Tigers huma r-rebbieħa tal-Kompetizzjoni Knockout tal-BOV Basketball tad-Diviżjoni Amateur
Dan it-tim ġdid li qed jikkompeti fl-ewwel staġun tiegħu rebaħ l-ewwel unur ewlieni billi għeleb lit-tim ta’ Fusion bl-iskor ta’ 87-79 fil-finali.
Taħt il-gwida tal-kowċ Daniel Bugeja, it-Tigers ħadu vantaġġ bikri u kontinwament ippressaw lill-avversarji taħt il-boards filwaqt li bnew vantaġġ ta’ 26 punt fi tmiem it-tielet sessjoni. Fusion għamlu rimonta qawwija ħafna fl-aħħar sessjoni u saħansitra waslu sa 6 punti mill-avversarji tagħhom, li kkontrollaw il-logħba fl-aħħar minuti biex għollew it-tazza.
Stefan Abela mid-Dipartiment tas-CSR tal-Bank of Valletta u Joseph Muscat, Segretarju Ġenerali tal-Malta Basketball Association ippreżentaw lir-rebbieħa bit-trofew tagħhom.
Ibrahim Gerlach, li kien l-aqwa skorer tal-logħba bi 32 punt, ġie vvutat bħala l-Most Valuable Player (MVP) tal-Finali u ġie ppreżentat bi trofew magħmul apposta biex ifakkar il-kisba tiegħu.
Il-kollaborazzjoni fit-tul tal-Bank of Valletta u l-Malta Basketball Association hija xhieda tal-impenn taż-żewġ organizzazzjonijiet lejn l-isport kompetittiv bħala parti minn stil ta’ ħajja b’saħħitha.