Mosta u Zabbar St Patrick kisbu rebħiet tajba fil-logħbiet rispettivi tagħhom fil-Fuel 10K Under 16 Futsal League. Dan hekk kif intlagħab l-ewwel programm għas-sena 2025 fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
Minn sezzjoni A, Mosta għelbu lil Marsaskala 5-1. Minkejja li l-Mostin sabu ruħhom gowl minn taħt, huma wettqu reazzjoni sa ma kisbu dak li riedu iġifieri r-rebħa.
Nick Caruana poġġa lill-Iskalin fil-vantaġġ sabiex qabel tmiem l-ewwel taqsima, Kelden Pace u Zion Bickle Micallef għamlu l-iskor 2-1 għal Mosta.
Fit-tieni taqsima, il-Blues kienu ferm tajbin u skorjaw tliet gowls oħra permezz ta’ Luca Chetcuti, Dayle Cachia u awtogowl ta’ Kerstin Bugeja.
Minn sezzjoni B, Zabbar St Patrick għelbu lil Lija Iklin 3-1.
Iż-Żabbarin dejjem kienu minn fuq u tista’ tgħid amministraw il-logħba mill-bidu sal-aħħar.
Dejan Sant, Glenn Gravino u awtogowl ta’ Julian Grech kienu l-awturi tal-gowls ta’ Żabbar b’Lija Iklin li skorjaw minn Melvin Perry.