Iktar kmieni llum, għall-ħabta tas-2:00 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li x’aktarx intlemaħ katavru fil-baħar, max-Xatt ta’ Buġibba.
Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija tal-Qawra marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk sabu mara bla ħajja f’wiċċ l-ilma. Minnufih, intalbet l-assistenza minn tim mediku u tabib tal-emerġenza mill-Isptar Mater Dei, li marru fuq il-post fejn il-mara ġiet iċċertifikata mejta. Minn iżjed investigazzjonijiet, il-katavru ġie identifikat li huwa ta’ mara ta’ 73 sena li toqgħod il-Mosta.
Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Marseanne Farruġia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.