Il-volontarjat hu wieħed mill-pilastri li jżommu soċjetà magħquda u sensittiva, u f’Malta dan ġie ċċelebrat mill-ġdid waqt l-14-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat, organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarju f’Diċembru li għadda.
Fost il-44 nominazzjoni li waslu, ġew ippreżentati sitt premjijiet, u wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti kien bla dubju r-rikonoxximent mogħti lil Emma Cauchi, li rebħet il-Premju Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena fil-kategorija ta’ bejn it-18 u t-30 sena, bħala membru u mexxejja fi ħdan Baden-Powell Scouts Malta.
Għal Emma, dan il-premju ma kienx biss rikonoxximent personali, iżda wkoll tifkira ta’ vjaġġ twil li beda minn età żgħira ħafna. “Għalaqt 18-il sena bħala Scouts Leader, u għalija dan il-premju hu unur kbir, mhux biss għalija imma għall-moviment tal-iscouts kollu,” tgħid b’umiltà. Il-volontarjat tagħha jinsab fl-ispectrum taż-żgħażagħ qasam li hi stess tistqarr li mhux dejjem hu faċli, iżda jibqa’ wieħed sabiħ u sodisfaċenti. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Emma li kienet ferm kuntenta li taqsam magħna l-emozzjonijiet tagħha hekk kif fi tmiem is-sena 2025 rebħet dan l-unur prestiġġjuż.
Emma bdiet il-vjaġġ tagħha fl-Scouts meta kellha erba’ snin u nofs. Dak iż-żmien, forsi ma setgħetx timmaġina kemm din l-esperjenza kienet se tħalli impatt profond fuq ħajjitha. “Minn mindu kont żgħira, l-iscouts kienu parti minni. Kienu xi ħaġa naturali, sabiħa u mimlija skop,” tispjega.
Tul is-snin, l-iscouts ma tawhiex biss memorji sbieħ, iżda wkoll ħiliet prattiċi u valuri li baqgħu magħha. “Titgħallem tkun responsabbli, titgħallem tieħu ħsieb lilek innifsek jew kif ngħidu bl-Ingliż survival skills bħal per eżempju kif tagħmel nar, kif issajjar, kif tieħu ħsieb lilek innifsek u lil ta’ madwarek,” tgħid. Dawn il-ħiliet, flimkien mal-esperjenzi soċjali, għenuha tikber mhux biss bħala voluntiera, iżda bħala persuna.
Emma ma taħbix li l-volontarjat maż-żgħażagħ jippreżenta sfidi reali. “Il-volontarjat fiż-żgħażagħ mhux faċli, u sfortunatament illum ma tantx issib żgħażagħ lesti jidħlu għalih,” tgħid b’ċertezza. Madankollu, hi temmen li proprju għalhekk dan it-tip ta’ volontarjat hu daqshekk importanti.
“Meta taħdem ma’ żgħażagħ, tiltaqa’ ma’ nies differenti, karattri differenti, realtajiet differenti. Titgħallem tisma’, tifhem u tmexxi,” tispjega. Dawn l-esperjenzi mhux biss jgħinu lill-parteċipanti żgħar, iżda wkoll lill-voluntier innifsu, li jkompli jikber fuq livell personali u emozzjonali.
Il-motto tal-Scouts, “Be Prepared”, hu wieħed mill-valuri li Emma tgħożż l-aktar. Fl-opinjoni tagħha, dan mhux biss slogan, iżda filosofija ta’ ħajja. “Jgħinek ħafna, tkun fejn tkun. Jekk tkun ippreparat, kemm mentalment kif ukoll b’mod prattiku, tkun tista’ tgħin lilek innifsek u lill-oħrajn,” tgħid.
Dan il-prinċipju jgħinha mhux biss fl-attivitajiet tal-Scouts, iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. L-organizzazzjoni, id-dixxiplina u l-sens ta’ responsabbiltà li titgħallem fil-moviment jgħinuha taffaċċja sfidi b’kunfidenza akbar.
Ir-rebħ tal-Premju Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena kienet mument emozzjonanti għal Emma. “Hu unur kbir għalija li ġejt rikonoxxuta f’din il-kategorija. Tħoss li x-xogħol li tkun qed tagħmel bil-qalb qed jiġi apprezzat,” tgħid. Madankollu, hi tenfasizza li dan il-premju ma jfissirx tmiem, iżda aktar bidu ġdid.
“Nispera li nibqa’ għaddejja. Dan il-premju tani aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem maż-żgħażagħ u nkompli nagħti lura lis-soċjetà,” iżżid.
Meta mistoqsija x’messaġġ tixtieq twassal lil dawk li qed jaħsbu biex jidħlu fl-iscouts jew fil-volontarjat, Emma hi diretta u entużjasta. “Nissuġġerixxi bil-qalb kollha li ż-żgħażagħ jidħlu għaliha. L-iscouts jagħtuk esperjenza li ma ssibha mkien ieħor,” tgħid.
Skontha, il-volontarjat mhux biss jagħti lura lis-soċjetà, iżda jagħti wkoll ħafna lil min ikun qed jagħmlu. “Titgħallem ħafna, tagħmel ħbieb ġodda, tikber bħala persuna u tifhem aħjar x’ifisser li tkun parti minn komunità,” tikkonkludi.
L-istorja ta’ Emma Cauchi hi xhieda ċara ta’ kif il-volontarjat, meta jsir b’passjoni u dedikazzjoni, jista’ jħalli impatt reali. F’soċjetà li qed tfittex aktar impenn miż-żgħażagħ tagħha, Emma tirrappreżenta mudell pożittiv ta’ kif l-enerġija, il-ħin u l-qalb jistgħu jintużaw biex jinbena futur aħjar.
Il-Premju Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena hu rikonoxximent mistħoqq għal dak kollu li diġà tat, iżda wkoll sinjal ta’ tama għal dak li għad tagħti. U kif tgħid hi stess, “Be Prepared” – mhux biss motto, imma wegħda li l-volontarjat tagħha għadu għaddej.
Barra r-rikonoxximent uffiċjali, il-kisba ta’ Emma Cauchi qed titqies ukoll bħala messaġġ b’saħħtu dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw spazju, fiduċja u opportunitajiet biex iwasslu bidla pożittiva fis-soċjetà.
F’epoka fejn ħafna drabi ż-żgħażagħ jiġu deskritti bħala diżinteressati, l-impenn tagħha fil-moviment tal-Scouts juri l-kontra: li meta jingħataw direzzjoni, valuri u eżempju tajjeb, huma kapaċi jagħtu kontribut siewi u fit-tul. Il-vjaġġ ta’ Emma huwa prova li l-volontarjat mhux biss jgħin lil ħaddieħor, iżda jibni mexxejja responsabbli għall-futur.

