Iċ-champion tad-dinja, Francesco Bagnaia, rebaħ il-Moto GP tal-Portugall li sar fiċ-ċirkwit ta’ Algarve, proprju fl-ewwel tiġrija tal- kampjonat ta’ din is-sena.
Is-sewwieq tad-Ducati ħareġ rebbieħ wara li approfitt minn żball ta’ Marc Marquez li beda mill-pole position.
Bagnaia għeleb l-isfida tal-Ispanjol, Maverick Vinales (Aprilia), biex kompla fejn ħalla nhar is-Sibt li għadda meta rebaħ l-isprint inawgurali tal-Moto GP.
Marquez sofra minn inċident kmieni fit-tiġrija meta ħabat mal-Portugiż, Miguel Oliveira (Aprilia), biex witta t-triq għal Bagnaia li ddomina għal kollox sat-tmiem.
Fit-tielet post temm it-Taljan Marco Bezzecchi (Ducati) segwit mill-Franċiż Johann Zarco (Ducati), l-Ispanjol Alex Marquez (Ducati), is-Sud Afrikan Brad Binder (KTM) u l-Awstraljan Jack Miller (KTM).