Sunday, October 27, 2024

Mountain Bike: Mark Zammit u Fiona Tedesco jirbħu l-Kampjonat Nazzjonali fil-Miżieb

Aqra wkoll

Fiona Tedesco u Mark Zammit kisbu l-ewwel titlu nazzjonali tagħhom fil-kampjonat nazzjonali li sar fil-Miżieb nhar il-Ħadd li għadda.

Il-bosk tal-Miżieb hu magħruf għat-terren iebes u diffiċli, u flimkien mas-sħana qawwija li laqtet il-gżejjer il-Ħadd filgħodu wriet l-ebda ħniena għal xi parteċipanti.

Il-korsa, li bdiet minn triq dejqa, kienet tfisser li ma kienx se jkun hemm lok għal żball mill-bidu nett tat-tellieqa,  bil-parteċipanti jagħmlu minn kollox biex jassiguraw post fuq quddiem.

Fuq quddiem kien hemm iċ-champion presenti Stefan Scerri, Maurice Formosa, Luke Borg, Mark Zammit, Mark Bonnici, Jason Vella, u Brandon Sultana kollha qed jikkompetu għall-ewwel post. L-ewwel dawra rat lil Formosa quddiem b’Scerri u Brandon Sultana għonq ma’ għonq, segwiti minn Zammit.

Sfortunatament, fil-ħames dawra, is-sħana wriet li kienet wisq għal Formosa, li t-tentattivi tiegħu għal titlu ta’ kampjonat ġew imfixkla mit-temperaturi għoljin. Ftit wara l-istess destin kien jistenna Scerri b’dan jwitti t-triq għal Zammit, li sa dan il-ħin kien fit-tielet post u kien qed naqqas id-distakk bejniethom. Zammit ħa l-vantaġġ sabiex kiseb l-ewwel titlu nazzjonali tiegħu.

Jiġġieldu mill-qrib għal post fuq il-podju kienu Borg, Bonnici u Antoine Sultana li qorob bil-mod il-mod il-quddiem. Madankollu, il-ħin mitluf minn Brandon Sultana u Bonnici meta waqfu biex jassistu lil Formosa u Scerri swiethom, b’Bonnici jabbanduna għal kollox it-tellieqa u Sultana kellu jikkuntenta bir-raba’ post wara Borg u Antoine Sultana. Jason Vella kien atleta ieħor li sofra l-effetti tas-sħana ħarxa.

Fiona Tedesco ukoll rebħet l-ewwel titlu tal-kampjonat. Felicienne Cini,  fit-tieni post bdiet viċin ta’ Tedesco, u minkejja li tat prestazjoni tajba, l-esperjenza ta’ Tedesco daħlet fis-seħħ biex ippermettietha tibni distakk bejna u bejn Cini biex tikseb ir-rebħa.

Fil-Kategorija Sport, Ariel Cruz Diaz u Robert Zammit iġġieldu mill-qrib iżda spinta determinata minn Diaz fl-aħħar dawra rawh jegħleb lil Zammit għar-rebħa tal-Kategorija b’49 sekonda. Fit-tielet post kien Josmar Vella.

Il-Kategorija 40+ kienet affari oħra ikkontestata ħafna b’ Justin Gauci, li kellu staġun ferm konsistenti, jieħu postu fuq quddiem mill-ewwel, wara li kabbar id-distakk bejnu u bejn Gordon Zahra fl-aħħar żewġ dawriet. Stephen Grima temm il-podju tal-Kategorija.

Sadanittant għal Enrico Bradamante, li qed jikkompeti fil-Kategorija 50+, kienet ġirja waħedha, b’wirja tajba hekk kif tellaq fost il-parteċipanti mill-kategorija 40+.

L-avveniment ikkonkluda bit-tlielaq taż-żgħażagħ. Fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena Ryan Gatt temm il-korsa ta’ tliet dawriet l-ewwel. Il-kategorija ta’ Taħt il-15-il sena rat lil Liam Daly u Zia Fujii jieħdu l-ewwel postijiet filwaqt li fil-Kategorija ta’ Taħt it-12-il sena Nina Debono Curmi u Julian Bugeja kienu l-ewwel fil-Kategorija tagħhom.

“Il-mewġa ta’ sħana li laqtet lil Malta fi tmiem il-ġimgħa għamlet il-Ħadd jum ta’ sfida kbira għal kulħadd. L-Assoċjazzjoni tifraħ liċ-Champions il-ġodda – Mark Zammit u Fiona Tedesco għar-rebħa tagħhom.” Irmarka Pierre Zammit Endrich, President tal-Malta Mountain Bike Association.

Zammit Endrich kompla jirrimarka dwar il-wirjiet ta’ solidarjeta sportività minn diversi parteċipanti, li tilfu l-opportunità tagħhom għal post fuq il-podju billi waqfu biex jassistu lil sħabhom li waqfu minħabba s-sħana.

Il-Kampjonati Nazzjonali Cisk 0.0 Cross Country kienu sponsorjati minn Cisk 0.0, il-birra mingħajr alkoħol, Gatorade, u San Michel u appoġġjati minn Malta Cycling Deal u Noel Vella Engineering Works. L-Għaqda tixtieq tirringrazzja lill-FKNK għall-għajnuna tagħhom biex ttella’ l-attività fil-Miżieb.

L-Assoċjazzjoni se tieħu pawża għas-sajf, u terġa’ lura f’Ottubru meta terġa’ tibda Cisk 0.0 Cross Country National Points Series.

Sport