L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike kienet rappreżentata b’mod tajjeb f’diversi avvenimenti internazzjonali, wħud minnhom meqjusa bħala appuntamenti annwali importanti u punti fissi fil-kalendarju internazzjonali għall-komunita Maltija tal-mountain biking.
L-Etna Marathon hija magħrufa għar-rotot impenjattivi madwar pajsaġġi mill-isbaħ, li jiġbdu għadd kbir ta’ ċiklisti minn madwar l-Ewropa – minn atleti tal-ogħla livell sa dawk li għadhom jibdew. L-edizzjoni tal-2025 rat numru rekord ta’ parteċipanti Maltin, rifless tal-popolarità li dejjem qed tikber f’dan l-isport f’Malta.
Iċ-ċiklisti Maltin ħadu sehem f’tliet kategoriji, kull waħda b’sfidi uniċi ta’ terren. Fil-kategorija Granfondo, iċ-ċiklisti Maltin kienu Carmelo Abela, Danica Bonello Spiteri, Mark Bonnici, Alex Portelli, Carl Saydon, Patrick Scicluna, Fiona Tedesco u Gordon Zahra. Il-kategorija Marathon inkludiet lil Marie Claire Aquilina, Etienne Bonello, Jeffrey Borg, Andrew Caruana, Alejandro Moya Ballester, u Antoine Sultana. Neil Cassar irrappreżenta lil Malta fil-kategorija Excursion.
Ir-rotta tal-Granfondo, li testendi fuq 45km b’1,550 metru ta’ għoljiet, kienet tikkonsisti f’traċċi vulkaniċi rqaq u sfida kbira kemm għall-istamina kif ukoll għall-ħila teknika.
Fost il-prestazzjonijiet notevoli kien hemm Patrick Scicluna li spiċċa fil-22 post overall u kiseb it-2 post fil-kategorija M5, u Mark Bonnici li kklassifika fit-34 post overall. Danica Bonello Spiteri għamlet prestazzjoni tajba hekk kif spiċċat fit-2 post fil-kategorija M3 u wkoll fit-2 post fost il-parteċipanti nisa. Fiona Tedesco ħadet l-1 post fil-kategorija W5 u spiċċat fir-4 post fost in-nisa kollha.
Fil-kategorija Maratona, li kienet tinkludi 63.5km u 2,100 metru t’elevazzjoni, ċ-ċiklisti Maltin affrontaw xenarji spettakolari, tlugħ diffiċli u nżul tekniku. Andrew Caruana spiċċa fit-29 post u fis-7 post fil-kategorija M1, filwaqt li Marie Claire Aquilina kisbet l-1 post fil-kategorija W4 u t-2 post fost il-parteċipanti nisa kollha.
F’isem Malta fil-kategorija Excursion, Neil Cassar ta’ 13-il sena temm il-korsa ta’ 20km, li minkejja li kienet iqsar, xorta kellha 800 metru ta’ għoljiet u kien jeħtieġ konċentrazzjoni u ħiliet tekniċi tajbin.
Hero
Erba’ ċiklisti rrappreżentaw lil Malta fil-HERO Südtirol Dolomites – waħda mill-aktar maratoni diffiċli tal-mountain bike fl-Ewropa. Fil-kategorija Elite Sport Master ta’ 60km, Clyve Chetcuti spiċċa mal-ewwel 10 tal-kategorija tiegħu u fil-41 post overall. Mark Zammit, Stephen Grima u Robert Grech kompetew fir-rotta ta’ 86km u spiċċaw fis-127, 138 u 250 post rispettivament minn kważi 700 parteċipant.
Sadanittant, Luke Galea ta’ 17-il sena sar l-ewwel ċiklist Malti li qatt ħa sehem fil-WHOOP UCI Mountain Bike Enduro World Cup f’Val di Fassa, Trentino. Minkejja li kellu waqa ħażina waqt it-taħriġ fl-ewwel ġurnata, Galea beda t-tiġrija ta’ nhar is-Sibt b’mod tajjeb, iżda kellu jirtira minħabba l-effetti tal-waqgħa tal-ġurnata ta’ qabel. Għalkemm mhux ir-riżultat li xtaq, il-parteċipazzjoni tiegħu tfisser pass importanti għall-mountain biking Malti fuq livell internazzjonali u offrietlu esperjenza tajba għall-futur.
“Il-mountain biking Malti qed jikkonsolida l-preżenza tiegħu f’avvenimenti internazzjonali, rifless tat-tkabbir kostanti li ħdimna ħafna biex niksbu,” qal il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike, Pierre Zammit Endrich. “Għalkemm ir-riżultati kienu varji, nibqgħu kburin bil-progress tal-atleti tagħna li hu sinjal tajjeb għall-futur.”
Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin f’dawn l-avvenimenti kienet appoġġata minn Cisk 0.0 Non Alcoholic Beer, SportMalta u VisitMalta.