Clyve Chetcuti ta prestazzjoni b’saħħitha nhar is-Sibt wara nofsinhar f’Miżieb hekk kif l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike organizzat l-ewwel tellieqa tal-istaġun 2026 — ic-Cisk 0.0 Cross Country Series.
Chetcuti ħa postu fuq quddiem fil-Kategorija Elite mill-bidu nett. Tul l-ewwel tliet dawriet minn sitta, il-pożizzjonijiet warajħ baqgħu jinbidlu kontinwament, b’Andrew Caruana, Mark Bonnici, Antoine Sultana, Luke Borg u Jeffrey Borg kollha jikkompetu fil-grupp ta’ quddiem.
It-tellieqa bdiet b’ritmu mgħaġġel, b’Clyve Chetcuti, Luke Borg u Mark Bonnici viċin ħafna ta’ xulxin fl-ewwel dawra. Hekk kif it-tellieqa kompliet, Bonnici u Borg ma setgħux iżommu mal-pass ta’ Chetcuti u għal xi ħin waqgħu lura. Bonnici rkupra tajjeb biex reġa’ daħal fil-kompetizzjoni, għalkemm ħsara żgħira wasslitu biex temporanjament jitlef xi pożizzjonijiet. Dan ippermetta lil Andrew Caruana, Borg u Antoine Sultana jieħdu vantaġġ.
Serje ta’ punctures bidlu aktar il-klassifika — l-ewwel affettwaw lil Caruana, u mbagħad lil Sultana li minkejja li għamel sforz qawwi biex jirkupra, sofra diversi problemi. Fl-aħħar stadji, Chetcuti żamm il-vantaġġ biex rebaħ it-tellieqa. Mark Bonnici u Jeffrey Borg spiċċaw fit-tieni u tielet post rispettivament.
Fit-tellieqa tan-nisa, Diana Muscat kisbet l-ewwel post, b’Fiona Tedesco tispiċċa fit-tieni post.
Keith Bartolo kiseb ir-rebħa fil-Kategorija Sport. Fil-kategorija 40+, il-kompetizzjoni baqgħet mill-qrib tul it-tellieqa kollha, b’Gordon Zahra jispiċċa 16-il sekonda quddiem Alex Portelli. Jamie Camilleri kkompleta l-podju, 35 sekonda wara Portelli.
Fil-kategorija 50+, Domenic Cutajar kiseb ir-rebħa, 51 sekonda qabel Carmelo Abela. Federico Sermarini temm fit-tielet post.
Fil-kategoriji taż-żgħażagħ u juniors, ħarġu diversi rebbieħa ċari. Fil-kategorija U19 Subien, Ryan Gatt kiseb ir-rebħa b’distakk komdu fuq Andrei Cassone, b’Matthias Gauci fit-tielet post. Neil Cassar tela’ fuq il-podju fil-kategorija U17 Subien, filwaqt li fil-kategorija U17 Bniet Katie Anne Vella Wood kisbet vantaġġ tajjeb fuq Nina Debono Curmi. Fil-kategorija U15 Subien, Ethan Cumbo ha postu quddiem Zack Saliba li spiċċa t-tieni, segwit minn Kurt Grech. Amy St John kisbet post fuq il-podju fil-kategorija U15 Bniet. Fil-kategorija U12 Subien, Nolan Tabone kiseb ir-rebħa, b’vantaġġ ta’ 2 minuti u 45 sekonda fuq Ben Cassar, segwit minn Adam George Camilleri.
Il-President il-ġdida tal-MMBA, Fiona Tedesco, qalet: “Dan kien bidu pożittiv ħafna għall-istaġun, b’taħlita tajba ta’ parteċipanti ġodda u oħrajn li kienu qedin jirritornaw. Huwa ta’ kuraġġ li naraw parteċipanti żgħar jitilgħu għal kategoriji ogħla u jikkompetu bl-istess entużjażmu li rajna s-sena li għaddiet. Dan jawgura tajjeb għax-xhur li ġejjin.”
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike rringrazzjat lil-partners tagħha Cisk 0.0 Alcohol Free Lager, l-partner sekondarju Solar Solutions, kif ukoll lill-voluntiera u marshals kollha.
It-tellieqa li jmiss mis-serje taċ-Cisk 0.0 Cross Country Series se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju fil-Park tal-Majjistral.

