Kundizzjonijiet estremi u temperaturi għoljin li kienu mbassra għallum wasslu lill-organizzaturi tal-Absa Cape Epic biex idaħħlu xi aġġustamenti qabel l-ewwel stadju sħiħ — rotta diffiċli fuq medda ta’ 90km li tibda u tispiċċa f’Montagu, b’telgħat li jammontaw għal 2,150 metru elevazzjoni fil-Western Cape.
Wara l-Prologue qasir iżda intensiv li stabbilixxa l-ordni tat-tluq, l-ewwel stadju sħiħ jimmarka l-bidu ta’ sfida li fiħa l-parteċipanti ser jesperjenzaw telgħat twal, partijiet tekniċi u temperaturi għolja.
Epic Team Deloitte (Mark Bonnici u Luke Borg) kienu l-ewwel tim Malti li temm il-korsa, f’ħin ta’ 5:09:46.9. Wara t-tellieqa, Mark Bonnici (Epic Team Deloitte) qal:
“Rajna titjib fil-pożizzjonijiet tagħna u qed nieħdu approċċ konservattiv, għax għad fadlilna triq twila quddiemna. Evitajna riskji mhux meħtieġa u assigurajna li nibqgħu qrib xulxin — li huwa essenzjali f’avveniment bħal dan fejn il-ħidma bħala tim hija kruċjali. S’issa ninsabu sodisfatti ħafna kif sejrin l-affarijiet.”
Team Gaudos (Stephen Grima u Brandon Sultana) segwew b’ħin ta’ 5:57:10.2, hekk kif indirizzaw korsa li offriet ftit li xejn mistrieħ, b’rotta kompletament off-road li poġġa pressjoni kontinwa kemm fuq il-parteċipanti kif ukoll fuq it-tagħmir tagħhom. Madankollu, kif irrimarka Grima, “il-bidu aktar kmieni milli kien ippjanat oriġinarjament tana ftit serħan mill-kundizzjonijiet iebsa tal-ġurnata. Barra minn hekk, l-esperjenza li ksibna s-sena li għaddiet għenitna npoġġu fil-prattika dak li tgħallimna u nitilgħu ftit pożizzjonijiet.”
L-ewwel stadju tal-Absa Cape Epic wriet kemm se tkun iebsa l-ġimgħa li ġejja — sentimenti li ġew imtennija wkoll minn Etienne Bonello ta’ Team Kalamba Racing (Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina), li temmew l-istadju tallum f’ħin ta’ 6:10:45.2.
Bonello qal: “Il-rotta kienet verament iebsa, b’ħafna blat u rajna ħafna roti bil-ħsara llum. Madankollu ħassejna ruħna komdi għax imdorrijin b’dan it-tip ta’ terren f’Malta, għalhekk qatt ma kienet problema għalina. Speċjalment fl-inżul konna qed nagħmlu progress tajjeb. Naturalment lejn l-aħħar, it-telgħat bdew iħallu effett fuqna u ma ridniex nagħfsu żżejjed minħabba li għad fadlilna ġimgħa sħiħa quddiemna. It-temp ma kienx sħun wisq fl-aħħar, iżda sibna riħ qawwi. Kienet sfida ta’vera għalina. Iżda kellna sinerġija tajba ħafna bħala tim u rnexxielna nqassmu l-pass tagħna tajjeb.”
L-iStage 2 tal-Absa Cape Epic se jerġa’ jibda u jispiċċa f’Montagu, fejn il-parteċipanti se jindirizzaw rotta ta’ 102km b’2,250 metru ta’ telgħat nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu. Hekk kif it-tellieqa tkompli tintensifika, il-parteċipanti se jiffaċċjaw ġurnata oħra diffiċli oħra.
Epic Team Deloitte (Luke Borg u Mark Bonnici) huwa sponsorjat minn Deloitte, b’appoġġ addizzjonali minn Foster Clark Products, Akkura u Visit Malta, kif ukoll appoġġ ulterjuri minn Nduranz, The Cyclist u Wheel Wizard.
Team Gaudos (Stephen Grima u Brandon Sultana) huwa appoġġjat minn Extra Carte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.
Team Kalamba Racing (Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina) huwa sponsorjat minn Kalamba Games, b’appoġġ ulterjuri minn Garmin u Visit Malta. L-imsieħba tekniċi jinkludu 226ERS, Ascend Creative Studio, BBB Cycling, IDMatch Bikefit Lab, The Sports Medics, Tristar Travel u Würth.

