Iċ-ċiklisti Maltin Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina – li se jikkompetu bħala Team Kalamba Racing – ser jirritornaw lejn l-Afrika t’Isfel biex jieħdu sehem fl-Absa Cape Epic, it-tiġrija tal-mountain bike fuq diversi stadji meqjusa bħala l-aktar waħda iebsa fil-kalendarju ta’ dan l-isport. Din id-darba huma determinati li jtemmu t-tiġrija flimkien wara d-diżappunt drammatiku tas-sena li għaddiet.
Spiss deskritta bħala t-“Tour de France tal-mountain biking”, l-Absa Cape Epic hija tiġrija mifruxa fuq tmint ijiem li ssir kull sena fir-reġjun tal-Western Cape fl-Afrika t’Isfel. L-avveniment jara lill-parteċipanti jgħaddu minn terren iebes u tekniku kif ukoll widien remoti, fejn jiġu ttestjati mhux biss ir-reżistenza fiżika iżda wkoll il-ħidma bħala tim, ir-reżiljenza u s-saħħa mentali f’kundizzjonijiet tat-temp estremi u imprevedibbli.
Il-parteċipanti iridu jikkompetu f’timijiet ta’ tnejn, u għalhekk is-sħubija bejn iż-żewġ atleti hija element kruċjali ta’ din it-tip ta’ kompetizzjoni. Għal Bonello u Aquilina, proprju din il-ħidma f’tim hija r-raġuni għaliex qed jerġgħu lura flimkien fuq il-linja tat-tluq.
Il-kampanja tagħhom tal-2025 ġiet interrotta b’mod drammatiku fit-tieni jum tat-tiġrija meta Aquilina kienet involuta f’inċident li fiha kellha ksur. Minkejja li dak il-ħin ma kinitx taf bl-eżatt is-serjetà tal-inċident, u determinata li ma taqtax qalbha minnufih, hija ppruvat tkompli minkejja l-uġigħ. Madankollu, hi kellha tirtira fir-raba jum u Bonello kellu jkompli l-istadji li fadal waħdu.
Għalkemm Bonello rnexxielu jtemm it-tiġrija waħdu, l-esperjenza ħalliethom bix-xewqa ta’ritorn, biex jispiċċaw dak li bdew is-sena l-oħra.
“Din it-tiġrija titlob kollox minnek,” qalet Aquilina. “Is-sena li għaddiet kienet diffiċli ħafna għax minkejja t-tħejjija kollha li għamilna, kelli nirtira wara li kont involuta f’inċident, u dak kien tassew devastanti. Issa ser nirritornaw biex inlestu dak li bdejna, u naslu sal-finish flimkien!”
Għal Etienne Bonello, id-deċiżjoni li jerġa’ lura kienet immedjata.
“Li tlesti t-tiġrija mingħajr Marie Claire is-sena li għaddiet fisser sentiment imħallat,” spjega Bonello. “Il-Cape Epic hija mfassla biex tikkompeti bħala tim. Mill-mument li spiċċajt it-tellieqa, it-tnejn konna nafu li rridu nerġgħu lura u nerġgħu nieħdu l-isfida flimkien.”
L-edizzjoni tal-2026 tal-Absa Cape Epic, li tibda il-Ħadd 15 ta’ Marzu, se tkopri madwar 707 kilometru b’kważi 15,900 metru ta’ telgħat madwar il-Western Cape.
It-tiġrija tibda b’prologu veloċi u tekniku fil-Meerendal Wine Estate, qabel mal-parteċipanti jiffaċċjaw telgħat diffiċli u trails mimlija blat madwar Montagu. It-tielet stadju, li jkopri 134 kilometru minn Montagu sa Greyton, huwa l-itwal u se jittestja kull rider f’territorju vast u selvaġġ.
Iżda huwa l-ħames stadju – il-“Queen Stage” – li jiġbed l-aktar attenzjoni. Deskritt bħala “wieħed mill-aktar stadji kbar u diffiċli f’dawn l-aħħar snin”, jitlob saħħa u determinazzjoni. Minn Greyton, il-parteċipanti jaffaċċjaw distanzi twal u telgħat kbar – iżda wħud mill-aktar rottot ikonċi tal-mountain bike fl-Afrika t’Isfel – lejn Stellenbosch.
Imbagħad hemm it-temp — fattur imprevedibbli li jista’ jvarja minn sħana qawwija b’temperaturi li jilħqu 47°C, sa kundizzjonijiet fix-xita u mimlijin tajn. Kull wieħed minn dawn l-estremi jġib miegħu sfidi differenti, u jagħmel kull stadju imprevedibbli u kull mument kruċjali.
Christian Mangion ser jkun qed jakkompanja lit-Team Kalamba Racing biex joffri appoġġ loġistiku.
Bonello u Aquilina huma sponsorjati minn Kalamba Games, bl-appoġġ ta’ Garmin u Visit Malta. Il-partners tekniċi tagħhom jinkludu 226ERS, Ascend Creative Studio, BBB Cycling, IDMatch Bikefit Lab, The Sports Medics, Tristar Travel, u Würth.
“Il-Cape Epic iġiegħlek tasal sal-limiti tiegħek — fiżikament, mentalment, u anke f’dak li tista’ tiflaħ ir-rota tiegħek. Fi kliem sempliċi, hija l-aktar sfida diffiċli li teżisti fil-mountain biking,” ikkonkluda Bonello.

