Friday, March 20, 2026

MOUNTAIN BIKING: Tiżdied il-Pressjoni hekk kif il-parteċipanti jippreparaw għall-Queen Stage tal-Absa Cape Epic

Aqra wkoll

B’issa iktar minn nofs l-Absa Cape Epic lesta, it-timijiet qed jibdew jaġġustaw l-istrateġiji tagħhom. Ir-raba’ stadju, li kien iffukat madwar iż-żona ta’ Greyton, kien notevolment iqsar mill-istadju diffiċli tal-ġurnata ta’ qabel ta’ 140km, b’distanza ta’ 87km. Madankollu, ir-rotta baqgħet impenjattiva ħafna, b’serje ta’ telgħat tekniċi li ftit taw lok għall-irkupru.

Mark Bonnici u Luke Borg (Epic Team Deloitte) għal darb’oħra kienu l-ewwel tim Malti li temm l-istadju, b’ħin ta’ 4:58:57.3.

Meta tkellem dwar l-istadju, Borg innota li għalkemm ma kienx faċli, offra ftit serħan wara l-isforz tal-ġurnata ta’ qabel. Kundizzjonijiet tat-temp aħjar u xemx fl-aħħar kilometri kkontribwew għal prestazzjoni aktar pożittiva, hekk kif it-tim qed ikompli jirkupra minn problemi riċenti ta’ saħħa u jerġa’ jikseb l-enerġija.

“Stadju sabiħ b’tlajja u nżul. Minkejja li kienet rotta iqsar, kellna ktar elevazzjoni mill-bieraħiżda b’mod ġenerali ħadna ftit nifs,” qal Borg.

Team Gaudos (Stephen Grima u Brandon Sultana) segwew b’ħin ta’ 5:04:24.8, fejn affrontaw dak li ddeskrivew bħala stadju veru ta’ mountain biking.

“Kienet tellieqa sabiħa — mountain biking pur b’trail fenomenali, ħafna tlajja u nżul, u anke ftit tajn. Minkejja li illum kienet iqsar minn stadji oħra, xorta kienet diffiċli,” qal Grima.

Id-duo enfasizzaw l-importanza tal-konsistenza u l-għanijiet fit-tul, bil-ħsieb li jtejbu l-pożizzjoni tagħhom b’mod gradwali filwaqt li jiżguraw li jtemmu t-tellieqa. “Dan mhux biss dwar il-pożizzjoni overall — l-aktar importanti hu li taqsam il-linja finali u tikseb il-medalja,” żied jgħid.

Meta jħarsu ’l quddiem, it-tim qed jimmira wkoll li jidħol fil-Amabubesi Finisher Club — programm esklussiv għal parteċipanti li jkunu temmew l-Absa Cape Epic tliet darbiet jew aktar. “Amabubesi”, li tfisser “grupp ta’ljuni” bil-lingwa Zulu, tirrikonoxxi dan l-istadju b’midalja speċjali, ċertifikat u aċċess għal żona ddedikata fil-finisher’s tent. “Dan hu l-għan fit-tul tagħna, u nittamaw li nkunu l-ewwel tim Malti li niksbuh,” qal Grima.

Team Kalamba Racing (Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina) ipproduċew prestazzjoni kkontrollata u tattikament soda, fejn navigaw stadju li kkombina trails veloċi ma’ tlajjiet impenjattivi. Il-kilometri tal-bidu kienu partikolarment veloċi, bil-parteċipanti jimbuttaw ’il quddiem f’kundizzjonijiet  mimlija trab hekk kif ir-ritmu żdied iktar kmieni f’dan l-istadju.

Minkejja x-xenarju sabiħ, it-terren offra ftit serħan. Tlajjiet wieqfa b’ħafna dawriet stretti (switchbacks) ittestjaw kemm is-saħħa kif ukoll il-kontroll tar-rota, bit-telgħa lejn il-“UFO” tkun waħda mill-aktar sezzjonijiet diffiċli tal-ġurnata.

Bl-għarfien li għandomtat-tellieqa, it-tim għażel li jaqbeż l-aħħar feed zone sabiex jiffranka ħin fuq tim rivali qrib tagħhom — deċiżjoni li enfasizzat l-ambizzjoni kompetittiva tagħhom. Huma temmew l-istadju fil-21 post, filwaqt li żammew it-22 post fil-klassifika ġenerali.

Meta tkellem dwar l-istadju tallum, Bonello enfasizza l-importanza tar-reżiljenza, filwaqt li nnota li ż-żamma tal-moral għoli kienet kruċjali: Wara l-esperjenza tas-sena li għaddiet, huwa kompla jħeġġeġ lil sieħbu fit-tim, billi saħaq li s-sitwazzjoni kienet għadha taħt kontroll minkejja l-isfidi tal-korsa.

Issa l-attenzjoni ddur lejn il-Queen Stage ta’ għada — meqjusa bħala l-aktar stadju diffiċli u deċiżiv tat-tellieqa ta’ din is-sena. Dan l-istadju twil qabel l-aħħar se jara lill-parteċipanti jaffaċċjaw rotta ta’ 134km minn Greyton għal Stellenbosch, b’2,750 metru ta’ elevazzjoni.

Filwaqt li l-istadju iqsar tal-lum offra opportunità importanti għall-irkupru, it-timijiet iridu jagħmlu l-aħjar użu minn dan hekk kif jħejju ruħhom għal ġurnata oħra diffiċli fuq ir-rota.

Epic Team Deloitte (Luke Borg u Mark Bonnici) huma sponsorjati minn Deloitte, b’appoġġ addizzjonali minn Foster Clark Products, Akkura, Visit Malta, kif ukoll minn Nduranz, The Cyclist u Wheel Wizard.

Team Gaudos (Stephen Grima u Brandon Sultana) huma appoġġjati minn Extra Karte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.

Team Kalamba Racing (Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina) huma sponsorjati minn Kalamba Games, b’appoġġ addizzjonali minn Garmin u Visit Malta. Il-partners tekniċi jinkludu 226ERS, Ascend Creative Studio, BBB Cycling, IDMatch Bikefit Lab, The Sports Medics, Tristar Travel u Würth.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport