Il-Moviment Graffitti sar jaf li l-Gvern bħalissa qiegħed jikkonsidra jgħaddi liġi li biha l-ħaddiema kollha bi dħul baxx ikunu msieħba awtomatikament f’unjin. Oriġinarjament, il-proposta ta’ sħubija mandatorja f’unjin tal-għażla tal-ħaddiem kienet tpoġġiet fuq il-mejda mill-General Workers’ Union (GWU) bil-għan li l-ħaddiem kollha f’pajjiżna jgawdu minn drittijiet u protezzjoni li unjin tara li jkun hemm.
L-organizzazzjoni xellugija Graffiti temmen li bħala prinċipju din inizjattiva hija waħda tajba bl-għan ewlieni li l-ħaddiema jkollhom l-oppotunità li jkunu parti minn unjin u għalhekk ikunu protetti minnha, kif ukoll parteċipi fl-azzjonijiet tagħha.
Fi stqarrija Moviment Graffiti nnota li ħafna ħaddiema f’Malta mhumiex imsieħba f’unjin speċjalment ħaddiema li huma mpjegati bi qligħ baxx.
“Sħubija mandatorja f’unjin tipprovdi protezzjoni garantita, speċjalment lil dawk il-ħaddiema li qegħdin jiffaċċjaw sfruttament fuq ix-xogħol, kuntratti u livelli ħżiena ta’ saħħa u sigurtà. Huwa fatt magħruf li ħafna ħaddiema f’xogħlijiet bi dħul baxx jafu jibżgħu jew ikunu skoraġġuti milli jissieħbu f’unjin. Barra minnhekk, nittamaw li bħala membri ta’ unjin, il-ħaddiema jsibu l-kuraġġ biex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw fin-negozjar kollettiv,” komplew Graffiti.
“Il-Gvern irid jara li ma jinħolqux unjins fantażma”
Min-naħa l-oħra dan il-moviment qal li jemmen ukoll li sħubija f’unjin waħedha mhux se telimina l-isfruttament u l-kundizzjoniet tax-xogħol indiċenti.
Insistew li, “nafu li din il-proposta tista’ twassal għall-ħolqien ta’ unjins fantażma. Min iħaddem jista’ jġiegħel lill-impjegati bi dħul baxx biex jissieħbu f’dawn il-unjins fantażma imwaqqfa minnhom stess jew ma’ terzi, jew jidħlu fi ftehim kollettiv li jibbenifika iktar lilhom milli lill-ħaddiema. Jekk is-sħubija mandatorja tgħaddi, il-liġi trid tipprojbixxi lil min iħaddem milli joħolqu dawn it-tip ta’ unjins u tistabbilixxi sistemi li jipprevjenu u jidentifikaw dan l-abbuż. Il-Gvern irid ukoll jimplimenta regolamenti u politiki biex iżid is-saħħa tal-ftehimiet kolletivi u jintroduċi l-ftehimiet settorjali”.
Min-naħa tiegħu l-Moviment Graffitti ilu jitlob biex ikunu riveduti l-liġijiet tax-xogħol. “B’mod partikolari nemmnu li dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi li bħalissa jiddependu totalment fuq min iħaddimhom, għandu jkollhom protezzjoni u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar. Mhuwiex aċċettabbli li l-permess ta’ residenza għal ħaddiema minn pajjiżi terzi huwa kompletament marbut mal-impjieg tagħhom u jinħareġ għal sena biss,” komplew Graffiti.
Il-ħaddiema immigranti u dawk minn pajjiżi terzi…
Humq qalu li s-sħubija mandatorja f’unjin ma tkunx effettiva jekk din il-liġi inġusta ma tiġix eliminata jew riveduta. Fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, meta nedew il-kampanja tagħhom “Ġustizzja mal-Ħaddiema”, saħqu li l-Gvern għandu jneħħi l-miżuri amministrattivi li qegħdin iwasslu għall-isfruttament ta’ ħaddiema immigranti u dawk ġejjin minn pajjiżi terzi.
“Sħubija mandatorja f’unjin waħedha mhijiex se tindirizza l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema barranin minħabba l-liġijiet preżenti li jirregolaw ir-residenza tagħhom fil-pajjiż. Għalhekk, filwaqt li l-Moviment Graffitti jaqbel mal-prinċipju ta’ sħubija mandatorja f’unjin għal ħaddiema bi dħul baxx, jemmen li hmm bżonn ta’ qafas legali b’saħħtu li jaġġorna u jħares id-drittijiet, il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema f’Malta. Il-ħaddiema jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru ta’ din il-proposta billi jkollhom vuċi soda u protezzjoni fuq il-post tax-xogħol,” temm il-Movimment Graffiti.