Thursday, December 26, 2024

Moviment li poġġa l-avvanz tan-nisa quddiemnett

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, bħal diversi pajjiżi mill-bqija tad-dinja, pajjiżna ċċelebra Jum il-Mara. Jum li fih mhux biss jitfakkru l-kisbiet u l-mixja l-quddiem li għamlu n-nisa Maltin matul is-snin imma wkoll biex jinstemgħu l-karbiet tagħhom għal aktar drittijiet li għadhom neqsin u m’humiex minquxin fil-liġijiet ta’ pajjiżna, fosthom id-dritt tal-ugwaljanza assoluta.

Ma nistgħux ma ngħidux li f’dawn l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista in-nisa għamlu avvanzi kbar u straordinjarji fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, sew fil-familja u anki fl-impjieg u l-karriera tagħhom. B’danakollu għadna nsibu f’pajjiżna istanzi fejn il-pagi u s-salarji tan-nisa huma inqas minn ta’ l-irġiel li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol. L-aktar f’dawk il-postijiet tax-xogħol fejn m’hemmx sħubija trejdunjonistika. Nemmnu iżda li bi ftit sforz ieħor din id-diskrepanza tista’ tissewwa.

Hija verita indiskutibbli li l-Partit Laburista huwa l-moviment li dejjem poġġa l-avvanz tan-nisa fuq quddiemnett. Pajjiżna llum jista jiftaħar li għall-ewwel darba fl-istorja, is-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol qabeż il-medja Ewropea.

L-istatistika turi li tnejn minn kull tliet nisa li daħlu għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol għandhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja. Xi jfisser dan? Ifisser li llum jeżistu opportunitajiet kbar mhux biss għal edukazzjoni għolja imma wkoll ta’ karrieri għan-nisa. Dan jixhed li l-mentalita qed tinbidel u aktar nisa qed joħorġu jaħdmu filwaqt li jrabbu familja wkoll, anki jekk zgħira, bl-għajnuna kollha li qed jingħataw mingħajr ħlas, bħalma huwa c-childcare.

Imma jkollna nammettu illi kull avvanz li tista’ tagħmel is-soċjeta, ħafna drabi jkollu effett mhux mixtieq fuq l-istess soċjeta’. Illum aktar minn qatt qabel, ħafna nisa, minħabba l-karriera jew l-impjieg tagħhom u anki għal ċirkustanzi oħra, qed jagħżlu li jrabbu familja żgħira, ta’ wild wieħed jew tnejn. Dan huwa fatt sostanzjat mill-istatistika Ewropea li tpoġġi lill-pajjiżna fl-aħħar post tat-twelidijiet fost il-pajjiżi msieħba tal-Unjoni Ewropea.

L-effett ta’ dan kollu, jekk għadna mhux inħossuh illum, b’danakollu nemmnu li se jinħass fil-ġejjieni. Jekk is-sitwazzjoni tibqa kif inhi, mhux se jkun hemm ħaddiema biżżejjed li jsostnu l-istat soċjali meta l-Maltin qed jgħixu ħafna aktar milli kienu, grazzi għal kura li jingħataw u l-kwalita ta’ ħajja aħjar li qed jgħixu llum.

Għalhekk aħna konvinti li l-Gvern, kif diġà qed jagmel, se jkompli jinċentiva lin-nisa għas-suq tax-xogħol fl-istess waqt li jkompli jagħtihom ukoll l-għajnuna tiegħu kollha biex jiżdiedu t-twelidijiet f’pajjiżna. Diġa qed jagħmel hekk biż-żidiet sostanzjali u kontinwi fl-allowances tat-tfal.

Ekonomija

Sport